Festivals Malta nediet proġett ta’ tliet snin li se jsir b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti li se jiffoka fuq id-diġitizzazzjoni ta’ diversi xogħlijiet minn kompożituri Maltin. Dan il-proġett se jibda bil-kapulavuri tas-Surmast Għawdxi Joseph Vella. Il-proġett huwa parti mill-programm li qed jittella’ bis-saħħa tal-Maltese Composers Fund, inizjattiva maħsuba biex tiċċelebra xogħlijiet ta’ importanza mużikali komposti minn kompożituri Maltin emerġenti u klassiċi.
Inizjalment, dan il-proġett se jara l-inċiżjoni, id-diġitizzazzjoni u l-arkivjar tal-iktar tliet xogħlijiet elaborati tas-Surmast Vella, li jinkludu żewġ poeżiji kantati u x-xogħol fuq opera li fuqha kien għadu qed jaħdem is-Surmast Vella qabel mewtu.
Il-Ministru Jose Herrera kkummenta dwar l-importanza li jkollna l-kultura bħala parti mill-identità tagħna. Huwa spjega li element importanti f’dan il-proġett huwa proprju l-konverżjoni tal-manuskritt miktub minn Vella nnifsu għal wieħed diġitali. Qal li din l-inizjattiva tiffoka fuq l-aspett teoretiku u artistiku tal-mużika ta’ kompożituri passati, biex jerġa’ jinħoloq interess ġdid u apprezzament profond ta’ dawn il-kapulavuri.
Annabelle Stivala, Direttriċi ta’ Festivals f’Malta saħqet li permezz ta’ din id-diġitizzazzjoni, dawn ix-xogħlijiet jistgħu jiġu preservati u apprezzati minn ġenerazzjonijiet futuri. Hija spjegat li, “bħala parti mill-isforzi tagħna biex niċċelebraw xogħlijiet uniċi tas-Surmast Vella, aħna se nkunu qed norganizzaw masterclasses għal studenti tal-istudju tal-mużika fl-Università ta’ Malta.” Festivals Malta ser tiżgura li dan il-proġett jiġi realizzat b’mod sħiħ permezz ta’ kollaborazzjoni mal-familja tas-Surmast Vella.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, żied jgħid li “bħala aġenzija nazzjonali, il-Kunsill huwa fid-dmir li jiffaċilita l-preservazzjoni tal-wirt nazzjonali Malti. Huwa dmirna wkoll li nagħtu ġieħ lill-kompożituri Maltin, ħajjin u mejtin – u dan qed inkomplu nagħmluh b’mod aktar sistematiku – bit-tnedija ta’ dan il-proġett marbut mal-mużika tas-Surmast Joseph Vella, li b’riħtu, b’mod tanġibbli qed nagħtu importanza u prominenza mistħoqqa lix-xogħlijiet ta’ Vella.”
Nicholas Vella, iben is-Surmast Vella, qal “Ix-xogħlijiet ta’ missieri jeżistu biss bħala manuskritti miktubin bl-idejn, li apparti li huma inaċċessibbli, jistgħu jiġu rvinati maż-żmien u bl-użu. Dan il-proċess ta’ diġitizzazzjoni ser jara esperti jikkonvertu x-xogħlijiet mużikali ta’ missieri għal format diġitali, li mhux talli se jtejjeb il-ftehim u d-distribuzzjoni, imma se jiffaċilitaw l-aċċessibiltà tagħhom għall-pubbliku ġenerali, dilettanti tal-istorja u l-arti.”
Bħala parti minn dan il-proġett ta’ tliet snin, Festivals Malta ser tkun qed torganizza tliet avvenimenti iddedikati għall-kompożizzjonijiet tas-Surmast Vella. Dawn jinkludu, ‘Rewwixta’, li se tittella’ fit-28 ta’ Novembru 2020, ‘Belt Rebbieħa’ f’Novembru tal-2021 u ‘Valeriana’, xogħol mhux komplut tas-Surmast Vella li se jiġi mtella’ fl-2022.
Rewwixta hija kantata miktuba minn Prof. Oliver Friggieri b’kompożizzjoni tas-Surmast Joseph Vella, li tinterpreta r-revoluzzjoni tal-Maltin kontra l-Franċiżi waqt ir-renju tagħhom. Dan il-kapulavur ġie mtella’ fil-1992, u ser jerġa’ jieħu l-ħajja mill-ġdid grazzi għal Festivals Malta, permezz ta’ dan il-kunċert tant antiċipat. Dan il-proġett, ser jiġi kkordinat bid-direzzjoni artistika ta’ Tatiana Lisnic, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u s-Surmast Joseph Debrincat, Coro Bel Canto u s-solisti Nicola Said, Graziella Debattista, Charles Vincenti u Louis Andrew Cassar. Aktar informazzjoni fuq ‘Rewwixta’ u l-avvenimenti msemmija ser tkun provduta dalwaqt fuq www.festivals.mt.