Minn għada, Infrastructure Malta se tkun qed tagħlaq it-triq tul Baċir Numru 7 fis-Shipbuilding fil-Marsa. Din it-triq kienet infetħet numru ta’ snin ilu bħala rotta alternattiva bil-għan li jitnaqqas it-traffiku fi Triq Aldo Moro qabel ma kien inbeda l-proġett tal-Marsa Junction.
Tul it-trapass tal-proġett din it-triq intużat ukoll f’numru ta’ devjazzjonijiet li kienu saru.
Fi stqarrija, Infrastructure Malta spjegat li issa li l-proġett tal-Marsa wasal fi tmiem se tkun qed tgħalaq din ir-rotta u rringrazzjat lil dawk kollha li vvjaġġaw f’din ir-rotta, lir-residenti tal-inħawi u lit-tmexxija u l-ħaddiema taż-żona tal-Baċir Numru 7 għall-koperazzjoni tul dan il-proġett.
Il-proġett tal-Marsa Junction issa wasal kważi fi tmiem b’Infrastructure Malta issa qed tlesti l-aħħar xogħlijiet fuq xi wċuħ ta’ toroq u ta’ tisbiħ taż-żona.