Minn nhar it-Tnejn li ġej, se tibda tintuża r-roundabout il-ġdida ta’ quddiem l-ajruport, li tagħmel parti mill-proġett tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection.
Id-Direttur Eżekutti tal-Proġetti fi ħdan l-Infrastructure Malta, il-Perit Raphael Abdilla, spjega kif se tkun id-direzzjoni tat-traffiku l-ġdida.
Qal, “Ir-roundabout se tkun qiegħda tintuża b’mod kif se tintuża fil-mod permanenti tagħha, jiġifieri se tkun qed tieħu t-traffiku li jiġi mid-direzzjoni tal-Gudja u jmur lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop, allura fejn bħalissa r-rotta qiegħda tgħaddi kontra, imma minn dik in-naħa li eventually fl-aħħar se tkun qed tieħdok minn Ħal Kirkop lejn il-Gudja, aħna nkunu qegħdin biex immexxu dak it-traffiku għan-naħa l-oħra parallel miegħu kif se jkun permanenti”
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol mill-Ministru responsabbli mill-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, intqal li mat-80 fil-mija tal-proġett huwa diġà lest.
Lejn l-aħħar ta’ Jannar il-maġġorparti tal-proġett se jkun lest, u jkun fadal il-parti ta’ taħt il-mini ta’ Ħal Kirkop fi Vjal l-Ewwel Titjijra, u xogħlijiet oħra relatati mas-servizzi tal-ilma fi Vjal l-Avjazzjoni. Dan ix-xogħol, imbagħad, huwa mistenni jkun lest sa April.
Qal, “Meta naslu għal dak l-istadju se nkunu qegħdin nużaw il-flyover fir-rotta kontra dik kif se tkun permanenti, jiġifieri se tkun qed tintuża biex mill-mina ta’ Ħal Kirkop it-traffiku jiġi ddevjat fuq il-flyover u jmur lejn Ħal Kirkop. Finalment, meta jitlestew dawk l-erjas ukoll aħna se jkollna t-traffiku rotta diretta minn Ħal Luqa lejn Ħal Kirkop fuq il-flyover u r-roundabout taħtu li se tkun qegħda tintuża kollha kemm hi.”
Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ 25 punt 6 miljun ewro b’ko-finanzjament mill-Connecting Europe Facility tal-Unjoni Ewropea u parzjalment iffinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni. Eventwalent, dan il-proġett se jingħaqad mal-proġett tal-Luqa Junction, li għaddej ix-xogħol fuqu wkoll ftit ’il bogħod.