B’investiment ta’ seba’ miljun ewro se tkun qed tinfetaħ fabbrika ġdida tal-kumpanija Gutenberg Press ġewwa Bulebel.
Dan bil-għajnuna tal-Gvern permezz ta’ INDIS Malta.
Din il-fabbrika se tkun fuq medda t’art ta’ ħamest elef metru kwadru ta’ art u barra li se tkun qed tirriġenera l-iskart, se tkun qed tagħmel l-ippakkjar tal-kartun, li maż-żmien żdied id-domanda għalih.
Fi żjara li għamel il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ġewwa l-fabbrika ta’ Gutenberg intqal ukoll li permezz tal-Covid Wage Supplement, din il-kumpanija setgħet tibqa’ tħaddem madwar mitt ħaddiem.
Boleslav Spiteri, id-direttur tal-kumpanija, irringrazzja lill-Gvern tal-għajnuna finanzjarja li ta.
Franco Portelli, Rappreżentant tal-kumpanija qal kif il-fabbrika l-ġdida se jkollha is-sostennibbilità bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha.
Portelli spjega: “U għaldaqstant, il-pjan ta’ żvilupp fl-impjant il-ġdid ta’ Bulebel ħa jkun iffukat fuq hekk, mhux fuq kartun biss iżda b’enfasi qawwija fuq is-sostennibbilità u l-ekonomija ċirkulari fejn qed naraw proġetti importanti biex nagħtu ħajja ġdida lill-iskart li jiġi moħli.”
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri faħħar l-addattament tal-kumpanija li filwaqt li ħatfet l-opportunità biex tuża l-makkinarju tagħha u produċiet visors matul il-pandemija, sabet sosten mill-Gvern biex tissalvagwardja l-impjiegi
Huwa sostna: “Hawnhekk huwa eżempju ċar ieħor ta’ kif l-għajnuna li tajna fi żmien il-pandemija permezz tal-Covid Wage Supplement u għajnuniet oħra tat l-enerġija u s-sostenn kollu li kien hemm bżonn sabiex il-kumpaniji bħal Gutenberg ikomplu jagħmlu l-kuraġġ li mhux biss ma jkeċċux il-ħaddiema iżda jkomplu jinvestu ġewwa pajjiżna.”