B’investiment ta’ tliet mitt elf ewro, dar fin-Naxxar se tinbidel f’post ta’ refuġju għal nisa li jkunu lestew programm ta’ rijabilitazzjoni b’suċċess wara li jkunu fittxew l-għajnuna għand il-Caritas għall-vizzju tad-droga.
Fiċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas, fejn isiru l-programmi ta’ rijabilitazzjoni tal-Caritas, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, spjega kif dan huwa proġett ta’ housing speċjalizzat.
Dan għaliex wara li jlestu l-programm f’San Blas, nisa ta’ kull età jkunu jistgħu jmorru f’din id-dar għal sena jew sentejn sakemm ikunu indipendenti biżżejjed biex joħorġu lura fil-komunità.
Il-Ministru Galdes stqarr: “Kif wegħedna bħala Gvern u bħala Awtorità tad-Djar, qegħdin ngħinu bi spiża ta’ madwar tliet mitt elf biex dar fin-Naxxar tiġi riġenerata, rijabilitata u ristrutturata, bl-iskop li jkun hemm numru ta’ appartamenti li jintużaw għall-kura ta’ wara l-gradwazzjoni minn dan iċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas.”
Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, qal li din id-dar se tindirizza l-vojt li jeżisti bħalissa għan-nisa li jlestu programm ta’ rijabilitazzjoni.
Dan għaliex filwaqt li jeżistu servizzi għal wara r-rijabilitazzjoni għall-irġiel, dan mhux l-istess għan-nisa, b’riskju li jerġgħu jaqgħu għall-vizzju.
Huwa qal, “Il-ħsieb ta’ din id-dar mhux li persuna tibqa’ tgħix fiha fit-tul imma sservi ta’ transition sakemm persuna tiġi fuq saqajha u tista’ titlaq b’mod indipendenti jiġifieri hawnhekk qed nitkellmu fuq nisa li pereżempju m’għandhomx familja jew tilfu kull sapport tal-familji tagħhom, nisa bi tfal żgħar li ssir iktar diffiċli għalihom biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jkollhom bżonn ċertu attenzjoni lill-kura, adolexxenti li issa forsi huma young adults li għadhom qed jibdew il-ħajja.”
Kull sena, il-Caritas tmiss mal-ħajja ta’ aktar minn seba’ mitt persuna li jiġu bżonn l-għajnuna minħabba l-problemi tad-droga.
Minn dawk li fittxew l-għajnuna s-sena li għaddiet, sbatax fil-mija kienu nisa, u fl-aħħar snin kien hemm żieda fin-numru ta’ nisa li fittxew l-għajnuna.
Il-proġett ta’ housing speċjalizzat fin-Naxxar se jsir ukoll grazzi għal koppja ġeneruża min-Naxxar li taw din id-dar b’donazzjoni lill-Caritas, u bis-sostenn finanzjarju tal-Awtorità tad-Djar, se tkun tista’ tinbidel biex toffri s-servizzi li hemm bżonn.