B’investiment ta’ €4 miljun, l-aġenzija Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid Triq l-Għeriexem fir-Rabat. F’dan l-investiment se jkun qed jittejjeb l-aċċess bil-mixi permezz ta’ belevedere ġdid, li se jinkludi bankina ġdida, bankijiet li jħarsu fuq il-wied u żoni msebbħin b’ħafna siġar ġodda.
Dan l-investiment fir-Rabat ġie ddisnjat b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet ambjentali u arkaeoloġiċi, sabiex jonqsu kemm jista’ jkun l-impatti mhux mixtieqa fuq l-għelieqi tal-inħawi, waqt li kull fdalijiet storiċi mirduma li jista’ jkun hemm f’din iż-żona arkeoloġikament sensittiva se jkunu mħarsa. Infatti tul dan il-proġett, arkeologi approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed isegwu x-xogħlijiet.
Intqal kif ix-xogħlijiet f’din it-triq huma bżonjużi hekk kif minn investigazzjonijiet ġeotekniċi li saru fuq is-sit ikkonfermaw li din it-triq hija mibnija fuq saffi ta’ blat imxaqqaq u tafal, b’ħajt antik li qed isserraħ fuq it-triq. Bl-ilma tax-xita li jgħaddi mix-xquq tat-triq tagħmel aktar pressjoni fuq dan il-ħajt.
Fl-istqarrija, l-aġenzija qalet li dawn ix-xogħlijiet iridu jsiru malajr sabiex tiżgura li ħafna mill-iskavar taħt l-art ikun lest qabel ma tibda x-xita. Dna għaliex jekk jinġema’ l-ilma tax-xita fuq is-sit waqt l-iskavar jiżdied ir-riskju li t-triq u l-istruttura tagħha jkomplu jiddeterjoraw.