B’investiment ta’ €13.5 miljun, Dar tal-Anzjani fl-Imsida se titwaqqa’ u terġa’ tinbena mill-ġdid.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia, fejn spjega kif din id-dar il-ġdida se tkun fuq sitt sulari u mistennija tilqa’ l-ewwel residenti tliet snin oħra.
“Hawnhekk din il-binja se tkun qed terġa tinbena b’investiment ta’ kważi €14-il miljun għal dar li se tkun qed tesa’ aktar minn 110 sodod. Apparti faċilitajiet oħrajn illi jilħqu l-istandards issettjati għal-lum. L-iskop tal-Gvern huwa li ma nkunux kuntenti biss bl-istandards illi nressqu aħna ’l quddiem, imma jkunu ta’ standards ferm aktar ogħla għax nemmnu li l-anzjani jixirqilhom aħjar.”
Il-Ministru Michael Farrugia spjega kif bħalissa qed jiġu evalwati l-offerti għal dan ix-xogħol.
Spjega wkoll kif din id-dar kienet takkomoda erbgħa u sittin resident, iżda din id-dar il-ġdida se toffri spazju għal 114-il persuna.
Il-Ministru Michael Farrugia qal kif din il-binja nbniet fil-bidu tad-disgħinijiet, iżda matul dan l-aħħar żmien qatt ma kien hemm investiment kbir fiha.
Intqal kif din id-dar se jkollha fost l-aqwa servizz mogħti erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Mad-dar tal-anzjani se jkun hemm ukoll spazju għal parkeġġ.