Il-Ministeru għas-Solidarjetà Soċjali flimkien mal-Fondazzjoni RISE ffirmaw ftehim ta’ aktar minn nofs miljun ewro li se jwassal għall-ftuħ ta’ dar oħra fil-Belt li se tilqa’ fiha 12-il priġunier li jkunu waslu biex joħorġu mill-ħabs u jkunu jridu jħejju ruħhom biex jergħu lura bħala membri riformati fis-soċjetà.
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal li għall-ewwel darba, id-dar il-ġdida se tifaħ il-bibien tagħha għall-priġunieri nisa wkoll.
Resident li wasal fi tmiem dan il-programm intensiv li fost oħrajn jgħin lill-priġunieri biex jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol, qal li jħossu kburi li rnexxielu jtemmu b’suċċess bis-saħħa ta’ persuni li llum jqishom familtu.
Id-Direttur ta’ RISE, Charles Mifsud qal li dawn huma programmi effettivi ta’ rijabilitazzjoni, li jservu bħala pont bejn iż-żmien li jqattgħu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-mument li l-priġunier ikun temm is-sentenza kollha biex b’hekk ikun lest biex jintegra fis-soċjetà.
“Wara li jingħataw leave speċjali mill-faċilità, jgħaddu f’din id-dar residenzjali, barra mill-ħabs, allura tfisser li fis-soċjetà, u hemmhekk jibdew proċess sħiħ ta’ integrazzjoni biex eventwalment kif jispiċċaw mill-programm u allura mis-sentenza, dawn ikunu iżjed ippreparati għas-soċjetà,” sostna is-Sur Mifsud.
Il-Ministru Falzon qal li wara s-suċċess tal-ewwel dar, il-Gvern tenna l-appoġġ tiegħu f’dawn il-programmi ta’ rijabilitazzjoni.
“Bħala impenn soċjali, mhux biss terz tan-nefqa tal-pajjiż tmur għas-soċjal, imma il-gvern jaħdem ma’ NGO jew għaqdiet tal-knisja, u f’dawk il-ftehimiet li għandna madwar 40, effettivament qed nitkellmu madwar €12-il miljun, imbgħad għandna agreements oħra li jlaħħqu it-€3 miljun oħra,” qal il-Ministru.
Il-Ministru Falzon spjega kif il-Gvern qed jifrex il-ħidma soċjali sabiex jolqot aktar persuni vulnerabbli li qabel ma kinux jingħataw daqshekk għajnuna.