B’investiment ta’ ħames miljun ewro l-iskola primarja tal-Mellieħa se tara proġett massiċ ta’ tkabbir u tisbiħ.
Permezz ta’ dan il-proġett, li se jara ż-żieda ta’ binja ġdida, l-iskola se tkun tista’ issa tilqa’ fiha madwar 700 tifel u tifla, filwaqt li ċentru għall-ħarsien tat-tfal ġdid se jkun jista’ jilqa’ madwar 40 tifel u tifla. Huwa maħsub li n-numru tal-edukaturi f’din l-iskola se jiżdied b’madwar 25.
Fil-binja l-ġdida se jinbnew tmien klassijiet ġodda tal-kindergarten u 26 klassi ġdida għal-livell primarju. Hawnhekk se jiżdiedu l-faċilitajet għall-edukaturi u għall-ħaddiema li jagħtu servizzi anċillari, kamra għall-Ewwel Għajnuna, guidance room, librerija, gym, u sala.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet kif permezz ta’ dan il-proġett se jgawdu minnu wkoll in-nies fil-komunità Mellieħija.
Qalet kif, “Ħa jkollna wkoll qabża fil-mod ta’ kif ukoll l-istudenti tagħna jkunu jistgħu jgawdu l-ambjenti fl-iskejjel tagħna. Hemm ukoll il-proġett tal-parkeġġ li qed naraw kif l-iskola mhux biss se tkun qiegħda sservi tal-istudenti imma wkoll għall-ħtiġijiet tal-komunità.”
Il-Ministru Justyne Caruana spjegat li l-prijorità tal-gvern hija li l-edukazzjoni titjieb, mhux biss f’dak li huwa tagħlim fil-klassi, imma wkoll fl-ambjent li jingħata dan it-tagħlim.
L-iskola se tara wkoll klassijiet addizzjonali għat-tagħlim ta’ suġġetti vokazzjonali, ix-xjenza, l-arti u l-mużika, kif ukoll l-iżvilupp personali u soċjali. Filwaqt li se tinfetaħ ukoll klassi multi-sensory għat-terapija tat-tfal li jkunu jeħtieġuha.