It-tradizzjoni tal-bizzilla Maltija ngħatat il-ħajja minn bosta ħaddiema li, għal sena oħra, reġgħu fakkru l-Jum Internazzjonali ddedikat għall-bizzilla.
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-jum bdiet fuq inizjattiva ta’ tliet persuni li fl-2015, ġabru nies minn kull rokna tad-dinja li jaħdmu l-bizzilla.
Illum, aktar minn elf u mitejn ħaddiem tal-bizzilla minn madwar id-dinja, ingħaqdu biex jonoraw u jispiraw oħrajn jaħdmu l-bizzilla.
Il-grupp ta’ Maltin li fakkru dan il-jum iltaqgħu fil-Palazz ta’ Vilhena, li llum iservi bħala l-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Imdina.
Hawnhekk tkellimna mal-kuratriċi, Annamaria Gatt li spjegat kif l-attività mhux biss tgħaqqad flimkien ħaddiema tal-bizzilla iżda tħeġġeġ oħrajn iżommu din it-tradizzjoni ħajja.
Gatt qalet, “Flimkien jaħdmu l-bizzilla biex juru li l-bizzilla kullimkien għadha ħajja u biex inħajru wkoll liż-żgħażagħ speċjalment biex jippruvaw, anki nies oħrajn. Mhux biss nisa jew tfajliet u bniet imma anki ġuvintur, irġiel u tfal subien. L-għan ta’ din hija biex tgħaqqad lill-ħaddiema tal-bizzilla flimkien.”
Apparti minn hekk, Gatt spjegat magħna kif bħalissa, il-ħaddiema tal-bizzilla qegħdin fi proċess biex il-bizzilla Maltija tkun meqjusa bħala wirt intanġibbli tal-UNESCO, u tingħaqad mal-għana u l-ftira Maltija.
Hija stqarret, “Waħda mill-għanijiet ukoll tal-attivitajiet kollha li qegħdin isiru fil-bizzilla Maltija hija biex nidħlu għall-applikazzjoni, għall-‘Intangible Cultural Heritage’. Ħa nagħmlu l-applikazzjoni, iktar ’il quddiem għall-UNESCO. Jiġifieri li kull attività li qed issir ikollna daqsxejn informazzjoni dwarha x’inhu l-għan u li nerġgħu nqajmu l-bizzilla Maltija fuq saqajha.”