B’investiment ta’ 1.4 miljun, se jibda x-xogħol ta’ restawr u konsolidazzjoni taħt l-art tal-Kappella tal-Lunzjata fis-Siġġiewi, li tinsab biswit is-salib tal-għolja.
F’konferenza tal-Aħbarijiet fejn tħabbru dawn id-dettalji, ntqal li l-Kappella tinsab fi stat diżastruż, u b’hekk ix-xogħlijiet se jsiru b’ tali mod li jindirizzaw ukoll l-instabbilità tas-sit, filwaqt li tiġi eliminata l-possibilità li tiġġarraf, minħabba sfidi ġeoloġiċi u ġeomorfoġiċi.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li l-kommunita’ tas-Siġġiewi, talbet għal dan l-intervent, li wara diversi studji, issa se jkun qiegħed mill-Gvern Ċentrali u l-awtoritajiet ekkleżjastiċi. Tħabbar li dan il-proġett huwa mistenni jitlesta fi żmien sena.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli spjegat li l-preservazzjoni tal-wirt kuturali u l-promozzjoni tal-importanza tas-sostenibbilita jgħinu biex tinżamm l-identita ta’ pajjiżna kemm għal ġenerazzjonijiet futuri u kif ukoll għall-qasam ekonomiku u prodott turistiku b’saħħtu.
Min-naħa tagħha l-uffiċjal inkarigat mill-proġett fi ħdan id-Diviżjoni tar-Restawr u l-Preservazzjoni, il-Perit Ivana Farrugia qalet li dan il-proġett l-ewwel prijorità se tkun sistema ta’ pedamenti strutturali taħt l-art komposta minn travi rinfurzati, munzelli u ankri sabiex jiġi evitat li jkun hemm saffi tal-ħamrija instabbli. Imbagħad dan ix-xogħol se jkompli bir-restawr tal-Knisja.
Is-Sindku Dominic Grech, esprima s-sodisfazzjon tiegħu b’rabta ma’ dan il-proġett, hekk kif il-Kunsill Lokali kien voċideru ħafna f’dan ir-rigward.
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, qal li dan ix-xogħol qed isir bil-għan, li din il-Kappella terġa’ tibda’ tintuża.
L-Arċipriet tal-lokal, Josef Mifsud, qal li l-istorja ta’ din il-kappella tmur lura għal nofs is-seklu 15, u b’hekk huwa meħtieġ li tiġi ssalvagwardjata din l-istorja rikka.
Dan il-proġett qed isir permezz ta’ ftehim bejn id-Diviżjoni tar-Restawr u l-Preservazzjoni, li jinsab fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, u l-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Tul is-snin, din il-kappella għaddiet minn bosta tiswijiet, rikostruzzjonijiet parzjali, estensjonijiet, u alterazzjonijiet, li jagħmluha xhieda unika tal-evoluzzjoni arkitettonika tar-reġjun.