Ambjent Malta se tinvesti aktar minn tliet mitt elf ewro biex tirrestawra l-istruttura monumentali tal-grotta li tinsab fil-Buskett.
Din il-grotta li tiftakar żmien il-Kavallieri, sofriet ħsarat strutturali u għalhekk issa, b’dan il-proġett, se terġa’ tingħata l-glorja oriġinali tagħha.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia, spjega kif dan l-intervent mistenni jitlesta sal-bidu tas-sena d-dieħla.
Id-Direttur fi ħdan Ambjent Malta Josianne Muscat spjegat ix-xogħol ewlieni li se jsir: “Ix-xogħlijiet ser jinkludu xogħol ta’ ristritturar fl-arkati kif ukoll fil-funtana. Matul is-snin dawn ġarrbu diversi ħsarat u għalhekk Ambjent Malta ser tkun qed tirrestawra dan sabiex terġa’ tagħtihom lura lin-nies u sabiex iżidu l-valura ambjentali ta’ dan il-post.”
L-aspetti kruċjali ta’ dan il-konsolidament jinkludu: miżuri biex tiġi evitata aktar deterjorazzjoni tal-kaxxa-forti u t-tisħiħ strutturali ta’ elementi vertikali biex ittejjeb l-istabbiltà tal-istruttura.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li din il-grotta hija ikonika mal-Buskett: “Ambjent Malta se tkun qed tagħmel xogħlijiet fuq il-ħsara strutturali li hawn f’din il-grotta illi saret mill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, hawn xogħlijiet li jridu jsiru fuq il-ħsarat strutturali u anke fuq il-funtana. Nafu li din il-grotta hija sinonima u ikonika ġewwa l-Buskett.”
Il-Ministru semma wkoll l-importanza ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni u ta’ restawr, partikolarment fiż-żoni naturali f’pajjiżna, hekk kif dawn huma essenzjali biex jiġi ppreservat u protett il-wirt ambjentali għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.