L-eqdem mitħna f’Għawdex se tkun irrestawrata.
Wara deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Mitħna tax-Xewkija, ikkummissjonata mill-Granmastru Perellos fil-bidu tas-seklu tmintax, se terġa’ tingħata l-glorja oriġinali tagħha.
Dan is-sit huwa skedat mill-Awtorità tal-Ippjanar bħala Grad wieħed – iġifieri li għandu valur storiku u arkitettoniku għoli ferm. Sit li hu l-uniku mitħna b’bażi ottagonali. Mitħna li kienet bdiet topera fl-elf seba’ mija u għaxra, u baqgħet tintuża fis-snin ħamsin u sittin tas-seklu li għadda għall-bżonnijiet tal-Każin tal-Banda tax-Xewkija.
Però mis-sittijiet ’l hawn, il-Mitħna ma baqgħetx tintuża.
Fir-restawr li se jsir, se tinħoloq pjazza madwar il-Mitħna, u fil-qrib se jinbnew latrini pubbliċi; se jitneħħew xi partijiet tal-ħadid u konkrit, jinbidel is-saqaf tal-konkrit ma’ wieħed tradizzjonali bi travi tal-ġebel (stone slabs), u se titnaddaf il-ġebla.
Barra minn hekk il-mekkaniżmu tal-mitħna se jinbena mill-ġdid.
Il-mitħna tikkonsisti minn intrata kbira, żewġt ikmamar paralleli u kċina fuq wara. Fin-nofs hemm garigor li jwassal għall-bejt tat-torri. Fuq id-daħla hemm ukoll birth room.