Minn nhar it-Tnejn li ġej, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir se tkun qed tibda x-xogħlijiet biex tirriġenera l-parti tal-promenade l-antika biswit il-Marina tal-Imsida b’investiment ta’ aktar minn miljun u nofs ewro.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis filgħodu mill-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, flimkien mat-tmexxija tal-GHRC u l-Kunsill Lokali tal-Imsida.
Fil-fatt ġie spjegat kif bħala parti minn dan il-proġett se tkun qed titwessa’ l-bankina mingħajr ma tiċkien it-triq biswit tagħha u mingħajr ma jitneħħew il-parkeġġi li hemm.
Apparti minn hekk l-ebda siġra li tmiss mal-parti li se tkun qed tiġi riġenerata ma se tkun qed tinqala’.
Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi, spjega li se jkun hemm karreġjata għaċ-ċiklisti.
Cauchi spjega, “Ħa jkun hemm titjib għas-sistema ta’ trasport pubbliku u anke għad-dilettanti li jridu jkunu jtellgħu u jniżżlu dgħajjes il-baħar. L-istess għad-dilettanti minkejja li l-bankina se titwessa’ xorta waħda ħadd ma hu se jitlef postu minn fejn huwa irmiġġjat illum u xorta se jkun jista’ jgawdi dawn il-faċilitajiet.”
Il-Ministru Ian Borg faħħar dan il-proġett mill-GHRC li għaddejja wkoll b’numru kbir ta’ proġetti differenti sabiex tbiddel postijiet u żoni qrib il-Port il-Kbir.
Il-Ministru Borg stqarr, “Dan se jkun qed isir ukoll fil-Pietà kif qed nagħmlu wkoll fil-Kalkara, Marsaxlokk, il-ġonna li qed nikkonservaw, il-ġonna nazzjonali tal-Floriana kollu xogħol mill-GHRC li rrid nirringrazzjahom tal-ħidma tagħhom.”