L-iskola primarja taż-Żebbuġ li nfetħet iktar minn sittin sena ilu se tkun qed tingħata dehra aktar ġdida u moderna b’investiment ta’ €3 miljun ewro.
Ħabbar dan il-Gvern f’konferenza tal-aħbarijiet waqt li l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana marret iżżur din l-iskola f’Għawdex.
Fil-fatt ġie spjegat kif dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni se jkun qed jinvolvi tisbiħ estensiv tal-iskola primarja eżistenti u huwa intenzjonat li joffri spazji edukattivi moderni, aċċessibbli u komdi għall-istudenti u għall-edukaturi.
Apparti t-tisbiħ komplet tal-iskola minn ġewwa u minn barra, il-proġett se jinkludi d-disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u rikreattivi kif ukoll il-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti extrakurrikulari. Permezz tal-proġett se tkun indirizzata wkoll l-aċċessibbiltà fil-binja biex tkun skont il-liġi.
Bħala parti mill-proġett se jkunu installati servizzi ġodda, fosthom servizz ġdid ta’ dawl, ilma u drenaġġ, kameras tas-sigurtà, konnettività tal-internet, alarm u servizzi ta’ fire safety.
L-iskola se jkollha wkoll għamara ġdida, kif elenka l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada Neville Young: “Dan l-investiment se jkun qed jara li din l-iskola tiġi aġġornata mis-sistemi tagħna u kif ukoll infrastruttura għall-ħtiġijiet ta’ llum. Ħtiġijiet li jinkludu l-element ta’ persuni b’diżabilità u bżonnijiet speċjali sabiex din tiġi aċċessibbli għall-istudenti u l-edukaturi kollha.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tenniet li biex ix-xogħol isir b’ritmu mgħaġġel u biex ikunu mħarsin it-tfal u l-edukaturi, sakemm isir ix-xogħol, it-tagħlim se jingħata fi klassijiet temporanji fl-istess post tal-iskola eżistenti biex it-tfal jibqgħu jitgħallmu fl-ambjent tal-iskola tagħhom li huma mdorrijin fih.
Hija stqarret: “Din hija skola li hija wkoll dyslexia friendly u allura rridu nkomplu bl-impenn tagħna biex ikollna skejjel li jkunu adegwati u attrezzati għall-bżonnijiet tal-istudenti tagħna biex ikollna edukazzjoni kwalitattiva però li jkollna wkoll infrastruttura skolastika li tkun b’saħħitha u li tilqa’ għad-domanda li għandna skond l-esiġenzi edukattivi ta’ llum.”