B’investiment ta’ madwar mitejn elf ewro l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tirrestawra l-binjiet antiki li hemm fid-daħla tal-bieb Victoria fil-Belt Valletta.
Fil-passat din il-parti tal-Belt kienet ta’ importanza kbira, hekk kif għal snin twal serviet bħala l-entratura prinċipali għall-kapitali Maltija mill-Port il-Kbir.
Min-naħa l-oħra kienet isservi wkoll bħala mutur ekonomiku b’saħħitha għall-Belt, peress li diversi bejjiegħa kienu jarmaw is-suq.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Perit Kevin Fsadni spjega li dan il-proġett se jerġa’ jġib lil dawn il-binijiet storiċi fil-glorja tagħhom.
“L-idea hija li nirrestawraw il-faċċati ta’ dawn il-postijiet biex terġa tirrikrea dik l-atmosfera oriġinali u nostalġika li kien hawn tal-Belt. Bażikament se jitnaddfu l-faċċati u se nneħħu l-ħadid żejjed u tissewwa l-ħsara. Se nerġgħu nippruvaw ukoll nirrikreaw anke l-kulur li kien hemm oriġinarjament.”
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia saħaq kif fi sfond ta’ pandemija għaddejjin b’ħidma kontinwa sabiex meta l-eluf ta’ turisti jerġgħu jibdew jiġu lejn pajjiżna, jsibu Malta isbaħ u aħjar.
Hawnhekk huwa saħaq li dan ir-restawr se jiġbed lejh it-turisti li jaslu Malta bil-cruiseliners.
“Aħna nemmnu li b’dan il-mod it-turisti se jkollhom aktar esperjenza ħolistika tal-Belt – illi saret destinazzjoni fiha nnifisha – u allura se jgħin ukoll turiżmu permezz tal-cruiseliners għax issa wieħed mistenni wkoll meta nispiċċaw dan l-ezerċizzju ta’ restawrazzjoni t-turisti jkunu jistgħi jidħlu minn din id-daħla fil-Belt tant sabiħa u anke restawrata.”
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat ukoll li dan l-investiment huwa l-ewwel wieħed minn sensiela ta’ proġetti oħra f’dawn l-akwati.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo tenna li permezz ta’ proġetti simili, il-Gvern se jassigura li l-Belt tkompli tkun ġawhra u fl-istess waqt terġa’ tqajjem l-attività u l-ħajja f’dawn iż-żoni.