Waqt il-baġit għas-sena d-dieħla, bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’, tħabbar li se tkun ippubblikata l-Politika għall-Migrazzjoni Ekonomika u se tkun miftuħa għall-konsultazzjoni pubblika.
Dan hekk kif il-Gvern se jiddiskuti u jisma’ kemm hemm bżonn, filwaqt li jiddeċiedi favur il-ġid komuni, hekk kif il-Maltin u l-Għawdxin iridu jgħixu sereni f’pajjiżhom.
Il-Ministru għall-Finanzi għamel enfasi fuq ekonomija ta’ valur miżjud, li tieħu deċiżjonijiet iebsin.
Biex ma jintilifx ukoll l-għerf ta’ dawk Maltin u Għawdxin, li kkontribwew u ħadmu għal ħafna snin, dawn se jkunu jistgħu jingaġġaw ruħhom mal-JobsPlus, biex iservu ta’ mentors għal kumpaniji interessati. Għal dan huma se jingħataw għotja, li ma taffetwax il-pensjoni tagħhom.
Is-sena d-dieħla se tara t-tkomplija tal-għotja ta’ €150 lil persuni li jaħdmu ħinijiet atipiċi f’ċerti setturi.
Sar aċċenn ukoll għal diversi miżuri li ddaħħlu waqt din il-leġiżlatura, fosthom aktar bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja privata, ir-riforma tat-temping agencies u liġi, li se tidħol fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar li ġej, dwar l-Equal Pay for Work of Equal Value.
B’hekk, issa, se tibda t-tieni fażi dwar l-emendi li huma meħtieġa fil-Wage Regulation Orders biex issir reviżjoni meħtieġa għal aktar uniformità u ċertezza legali.
Se tkompli l-ħidma biex jiġu indirizzati l-anomaliji li jeżistu f’diversi setturi differenti tax-xogħol fir-rigward tas-sick leave, leave, ħlasijiet ta’ overtime u festi pubbliċi, fost l-oħrajn.
Dan biex l-industrija tax-xogħol ikollha armonija ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ġid u l-ġustizzja tal-ħaddiema kollha.
Dan filwaqt li se jkompli l-investiment fit-teknoloġija tal-Amministrazzjoni Pubblika u fil-ħiliet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati tas-Servizz Pubbliku, anke billi jingħalqu aktar ftehimiet kollettivi.