Fil-31 ta’ Mejju li ġej se tkun qed issir l-14-il edizzjoni tat-TeamSport Goalkeeper Battle li se tattira ’l fuq minn 200 parteċipant, b’risq il-ħidma ta’ Caritas Malta.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Mario Muscat u Simon Grech, l-organizzaturi tal-avveniment, spjegaw kif l-attività issa saret appuntament fiss fil-kalendarju tal-futbol Malti, hekk kif din oriġinat mill-Amerika t’Isfel, iżda mbagħad bdiet issir popolari madwar l-Ewropa.
Il-goalkeepers, nisa u rġiel, li jistgħu jieħdu sehem irid ikollhom ’l fuq minn seba’ snin u se jkunu qed jinqasmu f’disa’ kategoriji.
Huma spjegaw li għażlu lill-Caritas, għax din l-organizzazzjoni taħdem b’mod sħiħ b’risq nies fil-vizzju tad-droga.
“Il-Goalkeeper Battle tagħti opportunità lill-goalkeepers lokali mhux biss li juru l-potenzjal tagħhom kontra goalkeepers Maltin u Għawdxin, imma anke kontra goalkeepers barranin kif ġara fis-snin li għaddew.”
Mario Muscat. Organizzatur, The Goalkeeper Battle
Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, tenna li hu ta’ privileġġ li minbarra li din l-attività qed tassisti fl-importanza tal-isport, qed tagħmel ġest nobbli għas-servizzi kollha li jingħataw minnhom.
“Daqskemm hi importanti l-kura, hi importanti aktar il-prevenzjoni. U l-isport hu attività qawwija, l-istess bħall-volontarjat li dak li jkun jekk jinqabad f’dipendenza, tista’ tkun għajnuna biex bniedem jiggranfa ma’ din l-attività li tagħtih skop fil-ħajja tiegħu u anke hi preventiva li bniedem jiżviluppa coping mechanisms li huma pożittivi.”
Anthony Gatt, Direttur, Caritas Malta
L-applikazzjonijiet għal min irid jieħu sehem fl-attività jibqgħu jintlaqgħu sat-23 ta’ Mejju li ġej.