Fil-misraħ ewlieni tax-Xewkija se tiġi organizzata festa għall-familja kollha bl-isem ta’ Fiori D’Argenta. Din l-attività ser issir bejn it-Tnejn, 26 u l-Ħamis, 29 ta’ Awwissu.
Id-dettalji ta’ din l-attività ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet li għaliha attendew il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u l-Kunsill Lokali tax-Xewkija.
“Apparti mill-attivitajiet stabbiliti, bħala Ministeru qed inkomplu ninvesti f’oħrajn ġodda u nkomplu nifirxu t-talent u l-aspett kulturali f’kull rokna ta’ Għawdex biex nagħtu l-opportunità lil kull min jiġi jżurna li jesploraw u jiskopru lil Għawdex.” qalet il-Ministru Caruana.
Fiori d’Argenta hi attività intiża biex tippromwovi u tagħti ħajja lill-festa li fil-passat kienet popolari imma li issa qiegħda tintilef, dik tal-martirju ta’ Ġwanni l-Battista. Il-Ministru għal Għawdex qalet li din l-attività se tara tiżwiqa ta’ bosta elementi u karatteristiċi li fl-imgħoddi kienu jiffurmaw il-ħajja ta’ kuljum, ewlenin fostom l-għana Maltija, l-ikel tipiku magħmul mill-bajtar u l-element ta’ festa tradizzjonali. Għalhekk se tkun vetrina importanti ta’ dak kollu li għandu x’joffri r-raħal sabiħ tax-Xewkija li f’dawn l-aħħar xhur gawda minn investiment li għamel il-Ministeru għal Għawdex fil-pjazza kif ukoll fit-toroq tal-madwar.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li Fiori D’Argenta hi l-aħħar attività organizzata taħt il-kappa Summer in the Square fejn il-Ministeru għal Għawdex ħaseb biex jgħaqqad bosta attivitajiet taħt umbrella waħda. L-attivitajiet oħra kienu jinkludu l-International Food Festival – Gozo Edition u serati ta’ mużika Jazz u Pop.
Is-Sindku tax-Xewkija Hubert Saliba ta d-dettalji ta’ din l-attività li ser tkun mifruxa fuq erbat ijiem u li se tibda mit-Tnejn, 26 ta’ Awwissu. Is-Sindku rringrazzja lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana għall-għajnuna biex tiġi organizzata din l-attività.