Għas-seba’ sena konsekuttiva se tiġi organizzata l-Festa Ħut fiż-Żurrieq.
F’din l-attività, mistennija ferm minn bosta, għexieren ta’ sajjieda se jarmaw tul it-triq biswit il-Knisja Parrokkjali sabiex ibigħu ħut frisk li jkunu qabdu mill-baħar tal-madwar.
F’konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, ġie spjegat kif minħabba l-pandemija l-Festa Ħut ilha ma tiġi organizzata għal sentejn u għalhekk, din is-sena, fl-aħħar wikend ta’ Mejju mistenni jkun hemm attendenza b’saħħitha.
Is-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima, qalet li l-Festa Ħut hija festa għal kulħadd u li l-attivitajiet li se jiġu organizzati żgur li se jagħtu ġieħ lix-xogħol tas-sajjieda Maltin u Għawdxin sabiex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum.
Qalet, “Se jkollna esebizzjoni ta’ ħut frisk u n-nies ikunu jistgħu jmorru jixtru, se jkollna ħut imsajjar bħal aljotta u makku. Fil-fatt, se jkollna mwejjed u siġġijiet biex dak li jkun jiġi u jiekol. Fit-triq prinċipali se jkollna l-għana u se jkun hemm stalls bl-artiġġjanat Żurrieqi li għandhom x’jaqsmu mal-ħut.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, irrimarka li attivitajiet bħal dawn huma importanti ferm għax ikomplu jippreservaw is-snajja’ Maltin, f’dan il-każ dik tas-sajd.
Qal, “Pajjiżna huwa pajjiż li ġeografikament huwa żgħir, imma kull raħal għandu l-aspetti kulturali partikolari tiegħu. Il-Kunsilli Lokali, meta jiċċelebraw l-aspetti kulturali differenti, aħna nagħtuhom is-sapport kollu tagħna biex dawn l-aspetti joħroġu b’mod tajjeb ħafna.”
Il-Festa Ħut se tiġi ċċelebrata flimkien ma’ Ġieħ iż-Żurrieq nhar is-Sibt 28 u l-Ħadd 29 ta’ Mejju.