Fil-baġit għas-sena d-dieħla qed tiġi introdotta miżura li se tara apparat elettroniku ġdid, forma ta’ panic button, biex f’emerġenza vittmi ta’ vjolenza domestika jkunu jistgħu jaqbdu mill-ewwel man-numru 112.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn f’lejlet is-sena mit-traġedja ta’ Bernice Cassar f’Novembru tal-2022, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, spjegaw il-progress u l-ħidma li sar u qed issir fis-sistemi attwali fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li l-għan ta’ din l-għodda hi li tingħata l-post eżatt ta’ fejn tinsab il-vittma u għalhekk il-pulizija li jkunu qed jagħmlu r-rondi fit-toroq ta’ kuljum, ikunu jistgħu jaslu fuq il-post immedjatament.
Sadanittant, tħabbar li aktar minn 70 fil-mija tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mir-rapport tal-inkjesta mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia, wara l-femiċidju ta’ Bernice Cassar, ġew implimentati.
Il-Kummissarju tal-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan, qalet, fi preżentazzjoni dettaljata, li minn esperjenza kerha ħarġu diversi miżuri pożittivi favur il-vittmi ta’ vjolenza domestika u sar progress kbir minn diversi entitajiet.
Fost il-ħdax-il rakkomandazzjoni tar-Rapport Valenzia, issemma fost oħrajn li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jitressaq abbozz ta’ liġi fil-Parlament dwar kif wieħed għandu jiddefinixxi l-kelma familja.
Intqal li f’dawn l-aħħar xhur żdiedu ħamsa u għoxrin uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija fi ħdan il-Unit tal-Vjolenza Domestika biex b’hekk issa hemm aktar minn sittin persuna.
Il-Kummissarju tal-Vjolenza Domestika ħabbret ukoll li, minn Jannar li ġej, se jkunu qed jiġu allokati ħinijiet apposta fil-Qorti biex janalizzaw każi aktar urġenti marbutin ma’ vjolenza domestika.
Waqt il-konferenza tfakkar li fil-bidu tal-2024 se jkun qed jiġi introdott ukoll l-electronic tagging hekk kif it-tender ġie konkluż mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
B’rakkomandazzjoni oħra, se jinfetħu ċentri attrezzati li joffru ambjent aktar denju lil vittmi tal-vjolenza domestika. Fil-fatt fiż-żmien li ġej se jkun qed jibda jopera l-ewwel hub f’Santa Luċija u s-sena li ġejja se tkun qed tinfetaħ hub oħra fl-Imtarfa.
Il-Ministru Camilleri spjega Ii f’dawn il-hubs mhux se jkun qed imur l-allegat aggressur biex il-vittmi u t-tfal iħossuhom aktar fil-libertà li jiftħu qalbhom.
Minbarra dawn ir-rakkomandazzjonijiet, fil-jiem li ġejjin, se tkun qed tiġi mnedija t-tielet strateġija għall-ħames snin li ġejjin fi ħdan dan is-settur.