Bdew ix-xogħlijiet biex tiġi installata speed camera fil-Bypass tas-Siġġiewi. Dan wara li Transport Malta nfurmat lill-Kunsill tas-Siġġiewi li l-installazzjoni ta’ speed camera fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi ġiet approvata.
Ix-xogħlijiet biex tiġi installata l-ispeed camera bdew ilbieraħ filgħaxija, liema camera mistennija tibda taħdem fi ftit ġimgħat oħra wara li jsiru l-verifiki neċċessarji.
Id-deċiżjoni li l-ispeed camera tiġi installata fil-bypass tas-Siġġiewi ttieħdet wara li l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi qabbad il-konsulent Bjorn Bonello biex jagħmel analiżi ta’ kif qed tintuża t-triq fil-preżent kuf ukoll tal-inċidenti li seħħew matul l-aħħar tliet snin.
Mil-istudju ħareġ li fil-maġġoranza tagħhom, is-sewwieqa kienu qed isuqu b’veloċitá eċċessiva tul il-ġimgħa kollha, b’persentaġġ ta’ 85% . Ir-rapport juri ukoll li f’din it-triq seħħew numru kbir ta’ inċidenti, b’wieħed minnhom ikun fatali. L-għan ewlieni ta’ din l-ispeed camera huwa li l-inċidenti jonqsu u li tiġi salvagwardjata l-ħajja tas-sewwieqa u ta’ persuni oħra li jużaw din it-triq.