Fil-festa pubblika, li tfakkar in-nawfraġju ta’ San Pawl, se jiġi inawgurat monument ġdid iddedikat lil dan l-istess qaddis li jinsab biswit il-Barrakka t’Isfel fil-Belt Valletta, il-parti tal-kapitali magħrufa bħala l-Arċipierku.
Fil-fatt grupp ta’ benefatturi ngħaqdu madwar sentejn ilu biex jiġbru bejniethom u joħolqu l-istatwa tal-bronż għall-qaddis, waqt li ngħataw ukoll fondi pubbliċi biex il-proġett ikun jista’ jiġi finalizzat.
Issa s-Sibt li ġej se ssir ċerimonja apposta għall-inawgurazzjoni ta’ dan il-monument f’serata, li se tinkludi wkoll logħob tan-nar, anke jekk din is-sena l-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl qed tiġi posposta minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival.
Is-Soċjetà Filarmonika La Vallette, li qed tiċċelebra l-150 sena mit-twaqqif tagħha, se tieħu seem fl-inawgurazzjoni tal-monument tal-bronż ta’ San Pawl.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, il-Viċi President tas-Soċjetà Filarmonika La Vallette, Lino Bartolo, stqarr li x-xogħol fuq l-istatwa beda sentejn ilu, grazzi wkoll għal fondi mill-Gvern.
Hu qal li “proprju fl-10 ta’ Frar, li mhux se tkun qed issir il-purċissjoni u l-marċ tradizzjonali li jsir aħna ngħidulu tas-siegħa, filgħaxija qabel il-ftuħ ta’ dan il-monument, is-soċjetà, li hi l-ewwel banda kapitali, se tagħmel il-marċ li se tibda mit-toroq tal-Arċipierku, li hu sinonimu mal-festa ta’ San Pawl, u mbagħad titla’ għal Triq il-Mediterran. Wara jiġi inawgurat il-monument u mbagħad wara l-inawgurazzjoni s-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Vallette se tagħmel programm ta’ marċi brijużi.”
Tkellimna wkoll ma’ Frans Mintoff, President tal-Valletta Saint Paul’s Football Club, ukoll kontributuri f’dan il-proġett. Qalilna li hu xieraq li dan il-proġett jiġi ċċelebrat fil-ġurnata tal-patrun fejn nhar is-Sibt 10 ta’ Frar il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jara mill-qrib dan il-monument jiġi inawgurat, f’atmosfera ta’ divertiment.
Mintoff tenna kif inħasset il-ħtieġa li jinħoloq dan il-monument ta’ San Pawl, li hu marbut mal-parti tal-kapitali msejħa l-Arċipierku.
Mintoff stqarr illi “tagħmel simbolu bħal dan u tagħmel rikordju għall-futur ta’ kulħadd, ta’ wliedna, li jgħaddi ż-żmien u tgħid isma’ hemmhekk hemm proġett li jibqa’ msemmi, hu ta’ sodisfazzjon għal kulħadd u nerġa’ nirrepeti, l-Arċipierku hu t-tim jew il-ġenitur li dejjem isegwi l-festa bil-qalb.”