F’intervista fuq ONE, il-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fil-jiem li ġejjin, il-Gvern se jippubblika Avviż Legali li se ġġib bidla u teżenta l-VAT fuq servizzi marbuta ma’ dawk ta’ professjonijiet bħal counselling u psiko-terapisti.
F’din l-intervista, Dr Abela spjega li f’pajjiżna hemm eżenzjoni ta’ ħlas ta’ VAT fuq kura medika u din issa se tkun qed tinkludi aktar professjonijiet.
“Is-servizzi ta’ counsellor u ta’ psiko-terapisti se jiġu eżenti kompletament minn taxxa fuq il-valur miżjud u hemmhekk ukoll nemmen li hija bidla, forsi mhux massiva, imma bidla li tista’ tgħin ukoll biex aktar persuni jkollhom aċċessibilità għal dawn is-servizzi, naturalment bi prezz li jkun wieħed aktar affordabbli.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
F’din l-intervista, il-Prim Ministru kien mistoqsi dwar il-każ ta’ tliet żgħażagħ u lettur, individwi li studjaw u għandhom ħiliet sabiex jipprevenu milli wieħed ikun vittma ta’ attakk virtwali.
Hawnhekk Dr Abela qal li bħalissa hemm il-Ministeri għall-Ekonomija u l-Intern qed jaħdmu flimkien dwar dan u fil-laqgħa tal-Kabinett li jmiss se tkun diskussa l-politika l-ġdida mill-Malta Digital & Innovation Authority, l-MDIA.
Jekk dan ikun approvat, wara se jmur għall-konsultazzjoni pubblika.
“Tgħidli tista’ tkun Gvern imnebbaħ mis-sewwa u jkollok realtà ġenwina bħal din, li tħalli tliet żgħażagħ u lettur jiġu kkundannati, mhux għax naqqsu, għax kien hemm qafas leġiżlattiv li kien nieqes. Hemmhekk fejn jidħol il-funzjoni u l-obbligu tal-istat li ma jistax ikun fuq tliet żgħażagħ u fuq lettur jefgħu salib, li mhumiex xogħolhom li jerfgħuh.”
Il-Prim Ministru Robert Abela