Serba ta’ 27 sena ser tiġi deportata minn Malta u ser tkun ipprojbita milli tidħol f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin illi ġejjin wara li l-Qorti sabitha ħatja li pprovat tqarraq bl-awtoritajiet kompetenti permezz ta’ timbru falz fuq il-passaport tagħha.
Aleksandra Filipovic kienet ilha Malta b’mod illegali għall dawn l-aħħar ħames snin. Nhar il-Ħamis illi għadda hija kienet ser tħalli lil xtutna sabiex taqbad titjira lejn Budapest ħalli minn hemm taqbad titjira lejn is-Serbja sabiex tmur fejn ommha li fil-jumejn illi ġejjin mistennija li tagħmel operazzjoni.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Dr Marseanne Farrugia ikkundannat lil Aleksandra Filipovic sentejn ħabs sospizi għal erba’ snin. Hija ħadet in konsiderazzjoni l-fatt li l-imputata għenet lill-prosekuzzjoni fl-investigazzjonijiet tagħha.
L-Ispettur Frankie Sammut spjega fil-Qorti li l-imputata kienet ta’ għajnuna għall-investigazzjonijiet tal-pulizija. Huwa qal li malli waslet f’Malta kienet qed tipprova ssib xogħol madanakollu, għal xi raġuni ma rnexxielhiex. Minkejja li uffiċjalment kienet bla xogħol, l-imputata ammettiet mal-pulizija li hija kienet qed tagħmel xi xogħol mingħajr permessi neċessarji madanakollu, ma riditx tindika fejn kienet qed taħdem u lanqas ma’ min kienet impjegata.
L-Avukat Difensur saħaq quddiem il-Maġistrat Dr Marseanne Farrugia, li l-imputata ikkollaborat mal-pulizija u li hija waslet sabiex qarrqet bl-awtoritajiet kompetenti minħabba li kienet għaddejja minn żmien kemmxejn diffiċli f’ħajjitha. Id-Difiża spjegat li l-fatt li l-imputata kkollaborat mal-pulizija u li ammettiet l-ammissjoni tagħha kien ta’ riskju għaliha. Jidher li sabiex l-imputata kellha dan it-timbru falz fuq il-passaport tagħha, hija ħalset is-somma ta’ €400 lil xi persuni li kellhom aċċess għal dawn it-tip ta’ timbri.
L-imputata wieġbet ħatja tal-imputazzjonijiet miġjuba kontriha u ingħatat sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mistennija li tiġi ddeportata f’qasir żmien.