In-noti tal-Ave Maria minn orgni tas-seklu sbatax qed jerġgħu iqimu lil patruna ta’ wieħed mill-iktar rħula antiki f’pajjiżna. Dan hekk kif ir-raħal żgħir ta’ Ħal Xluq fil-limiti tas-Siġġiewi se jiċċelebra l-festa ta’ Santa Marija nhar il-Ħadd tmintax t’Awissu. Ħal Xluq kien l-ikbar fost l-irħula żgħar li qabel kienu jiffurmaw is-Siġġiewi. Dan flimkien ma’ Ħal Kbir, Ħal Niklusi u Ħal Kdieri.
L-għaqda ta-Nar San Nikola Siġġiewi ta’ kull sena tieħu ħsieb li torganizza din il-festa li titfa’ dawl fuq il-kappella ta’ Ħal Xluq u l-istorja rikka tagħha. Brian Borg, membru tal-għaqda, spjegalna kif l-kappella tmur lura għal żmien in-Normanni u kellha wkoll difiża kontra l-furbani li kienu jippruvaw jattakkaw dawn l-irħula żgħar.
Borg qal kif “Hawnhekk għadu r-raħal antik bħal ma kien ikun imqassam qabel, bl-irziezet imqassmin l’hemm u l-hawn. Issa qabel kienu jagħmlu l-għassa għall-furbani u b’hekk il-kamra li nbniet fuq wara u l-ħajt tal-ġenb tal-knisja jixbaħ ħafna lil ta fortizza, biex dak li jkun il-furbani, meta kienu jiġu min-naħa ta’ wara tal-kappella, kienu jindunaw li hemm l-għassa, kien ikun qisu ta’ deterrent.”
Għal din il-festa l-għaqda tan-Nar San Nikola torganizza bosta attivitajiet fosthom ikla fil-pjazza, fiera tradizzjonali u spettaklu ta’ logħob tan-nar tal-ajru u tal-art. Fil-fatt bħala parti mill-ispettaklu, l-għaqda ser taħraq raddiena li ssaffar l-Ave Maria sħiħa. Il-banda San Nikola tas-Siġġiewi se tagħmel marċ u programm ta’ mużika filgħaxija f’nhar il-festa.
Wieħed mill-fatturi li jiġbed in-nies ta’ kull sena lejn din il-festa huwa propju s-sempliċità li biha tiġi ċċelebrata din il-festa. Hekk stqarr David Vassallo, membru tal-Għaqda tan-Nar San Nikola, li spjega kif wara l-quddies ta’ filgħodu għadu jitqassam it-te u l-kafé bil-ftiet fuq iz-zuntier.
Vassallo qal li “Il-festi l-antiki kollha hekk bdew jiġifieri, li wara l-quddiesa, jagħtu café jew te u imbgħad jgħatu ftit biskuttini lin-nies li jkunu preżenti. Allura hawnhekk bqajna nżommu dik it-tradizzjoni li wara l-quddiesa ngħatu l-café u l-biskuttini lin-nies.”
Lil hinn mill-briju u l-pompa tal-festi l-iżjed popolari ta’ Santa Marija, dan ir-raħal li għodu ntilef bejn is-Siġġiewi u l-Qrendi jibqa’ jqim l-Assunzjoni ta’ Marija bl-iktar mod sempliċi, b’rabta sħiħa mal-għeruq tal-festa Maltija.