Aktar minn 2,000 persuna nqdew miċ-Ċentru ta’ Eċċellenza għall-Kura tal-Għajnejn fiċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Furjana mindu fetaħ il-bibien tiegħu f’April tas-sena l-oħra.
Dan iċ-ċentru joffri servizzi speċjalizzati fil-kura tal-għajnejn bl-aqwa teknoloġija, fosthom visti u screening tal-glaucoma.
Il-Kap Eżekuttiv għall-Kura tas-Saħħa Primarja, Roseanne Camilleri, qalet li sena wara, in-numri juru li dan iċ-ċentru kien bżonnjuż, b’mod partikolari għax naqqas il-piż minn fuq l-Isptar Mater Dei.
Spjegat li minbarra mijiet ta’ appuntamenti kull xahar, dan is-servizz tal-oftalmoloġija huwa aċċessibbli għal kulħadd.
Hija sostna: “Huwa ċentru li huwa walk-in, għandek faċilità li pazjenti jiġu huma għax ikunu qed iħossu xi ħaġa. Dawn jiġu triaged, iċċekkjati imbagħad jaraw ġo daċ-ċentru liema l-aħjar professjonist li jarahom, għax ħafna min-nies jgħidulek minix qed nara, qed nara ċpar, imma dak jista’ jkun ħafna affarijiet, jista’ jkun bżonn ta’ vista tan-nuċċali jew affarijiet aktar profondi minn hekk.”
Lejlet ix-xahar li jfakkar il-kundizzjoni tal-glaucoma, is-Sinjura Camilleri qaltilna li d-Dipartiment tal-Kura Primarja qed iħejji programm estensiv biex iqarreb il-kura tal-għajnejn fil-komunità.
Il-glaucoma hija kundizzjoni li tagħmel ħsara fin-nervaturi tal-għajn u tikkawża biex wieħed jitlef id-dawl t’għajnejh.
L-infermiera Bernice Micallef spjegat li fit-tieni ġimgħa ta’ Marzu, se tkun qed tittieħed il-pressjoni tal-għajn b’apparat apposta fil-bereġ. Hija stqarret: “Waħda mill-problemi tal-glaucoma hija li titlalek il-pressjoni u ma tkunx taf allura aħna ħa nippruvaw noħorġu u nibdew naraw naqra dan l-esperiment kif se jimxi biex nersqu iktar lejn il-komunità.”
Hija spjegat kif jaħdem l-apparat:“Huwa sempliċi ħafna, l-apparat jixgħel, iġġiegħel lill-pazjent iħares lejn dot ħamra, u tippuffja naqra arja. Ħadd mhu se jweġġa’, u timmarkali kemm qiegħda l-pressjoni, mingħajr ma mmissu l-għajn, kollox awtomatiku u nagħtuhom riżultat dak il-ħin.”
L-appell hu biex min għandu aktar minn 40 sena, jiċċekkja għajnejh minn tal-inqas darba fis-sena, u min għandu lil xi ħadd fil-familja li għandu l-glaucoma, jew hu dijabetiku, jiċċekkja aktar ta’ spiss għax ir-riskju jikber b’għaxra fil-mija.