F’mumenti iebsa u trawmatiċi għal ommijiet, li jispiċċaw ikorru lil uliedhom minħabba kumplikazzjonijiet, l-ambjent fejn jingħataw il-kura jagħmel differenza kbira.
Sal-lum il-ġurnata, waqt li ommijiet jiċċelebraw it-twelid ta’ ħajja ġdida b’mod regolari, oħrajn fil-qrib, sfortunatament, ikollhom isofru fid-dulur it-telf ta’ tqala li ma tirnexxix f’atmosfera mhux ideali.
Issa, b’direzzjoni politika ċara u deċiża, il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, ħabbar fil-Parlament kif, fiż-żmien qrib, se tiftaħ fl-Isptar Mater Dei dik qed tissejjaħ l-Early Pregnancy Unit, taqsima ddedikata apposta għall-kura u l-appoġġ ta’ nisa li jgħaddu minn korrimenti fit-tqala.
“Aħna post fl-Isptar Mater Dei fejn nistgħu nakkomodaw il-persuni li qed ikorru, għandna u qed naħdmu fuqu. Ovvjament, imbagħad, dak il-post irid jimtela bl-istaff, li għandna diġà wkoll. Jiġifieri jien ma narax li, fil-ġimgħat li ġejjin, m’għandux ikollna dak li aħna qed insejħulu Early Pregnancy Unit.”
Il-Ministru Joe Etienne Abela
Fil-Parlament, il-Ministru spjega li l-idea hi li mhux biss jingħata spazju mgħammar bi kliniċi u servizzi minn professjonisti mediċi, iżda li wkoll ikollu servizzi immedjati għall-familji li jkunu għaddejjin minn korriment.
“Early Pregnancy Unit jiġifieri se jkun unit fejn aħna se nkunu qed nakkomodaw minn erbgħa sa sitt pazjenti bi problema ta’ korriment. Imma aħna rridu li dan il-unit ikollu fih kliniċi, żewġ kliniċi, li joffru s-servizz ta’ professjonist bl-ultra sound”.
Il-Ministru Joe Etienne Abela
Din l-aħbar tasal ftit tal-ġimgħat wara li bdiet diskussjoni fuq il-miscarriage leave, fejn, għall-ewwel darba f’pajjiżna, qed jiġi rikonoxxut mhux biss il-weġgħa fiżika, imma wkoll dik mentali u emozzjonali li jġib miegħu l-korriment.
Fil-ġimgħat li għaddew, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li nbeda l-proċess ta’ konsultazzjoni għal dan il-għan biex ikun fl-aħjar pożizzjoni biex jintroduċi f’pajjiżna dan il-benefiċċju ġdid tal-Miscarriage Leave.