Fi żmien xahrejn se jidħlu fis-seħħ l-emendi fil-Liġi dwar iż-Żamma tal-Annimali fiż-Zoos li, fost oħrajn, mhux se tkun qed tippermetti iżjed b’mod awtomatiku, li jkun hemm interazzjoni bejn il-pubbliku u annimali eżotiċi.
Minflok, il-liġi se tara li persuna trid tapplika mad-Direttorat għar-Regolazzjoni tal-Affarijiet Veterinarji li, min-naħa tiegħu, imbagħad jagħrbel każ każ. Dan bil-għan li jiġu protetti tali annimali, li jkunu qed jinżammu f’kaptività, waqt li jitħares ukoll il-benesseri ta’ dawk li jżuru dawn il-postijiet.
L-aħbar ingħatat f’konferenza indirizzata mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru, Alicia Bugeja Said.
Tkellimna ma’ Dr Paul Joseph Portelli, Direttur fl-istess direttorat regolatorju, li spjega tali tibdil.
“Mhux permessibli aktar li l-ġurnata kollha ssir din l-attività, jiġifieri ħa tkun in specific timeframes, għax l-ispeċi f’dak iż-zoo għamilha, fiż-zoo tiegħi ħa tagħmel l-istess speċi. Għax forsi l-annimali tiegħi huma differenti minn ta’ dan, it-temperament ħa jkun differenti. Bażikament, ħa tkun case-by-case basis.”
Kompla jispjega li t-tgħammir bejn annimali eżotiċi wkoll se jkun suġġett għall-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet.
“Ħa nintroduċu forma ta’ genetic counselling, li int ma taqbadx tgħammar bl-addoċċ, għax forsi jkun hemm il-missier ma’ relative close tiegħu li ħa jgħammru, allura dan mhux tajjeb. Mela naqqasna l-ammont ta’ frieħ.”
Dr Portelli qal li, għal dan il-għan, ukoll se jkun hemm linji-gwida dwar kull annimal, li jista’ jinżamm fiż-zoos.
Intqal li din il-liġi se tagħti lok għal spezzjonijiet f’kull ħin tal-ġurnata, waqt li jista’ jintalab ukoll l-aċċess għal kameras tas-sigurtà.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ingħad kif din il-liġi l-ġdida se tkun qed tiddaħħal fis-seħħ wara konsultazzjoni pubblika erba’ snin ilu, inkluż assessjar dwar l-impatt tagħha.
Il-Ministru Refalo sostna li l-emendi se jkunu qed isaħħu l-liġi preżenti, li tmur lil hinn mir-regoli Ewropej.
“Illum mexjin ’il quddiem, qegħdin nagħmlu liġijiet li verament jgħollu l-istatus tal-animal welfare fil-pajjiż. Għax, kif diġà għedt, għadna bid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea, bħalma hemm f’kull stat membru ieħor, però aħna riedna nagħtu valur miżjud lill-benesseri tal-annimali tagħna.”
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said spjegat li, fost oħrajn, din il-liġi l-ġdida se tinkludi ħlas mis-sidien taż-zoos għal riċerka dwar l-ispeċi li jkunu qed jinżammu.
“Din hi bżonnjuża, anke meta wieħed jara s-suċċessi li jsiru f’pajjiżi oħrajn fejn tidħol ir-riċerka tal-annimali fiż-zoos. Jiġifieri inti għandek riċerka ta’ annimal, li tista’ ssir permezz ta’ dawn iż-żoos biss.”
Intqal li f’din il-liġi hemm imposti multi kbar, fosthom dik ta’ għaxart elef ewro għal min jinqabad iżomm speċi simili b’mod illegali. Fil-konferenza ntqal li hawn sitt żoos u se jkollhom sena ċans biex jirregolarizzaw irwieħhom ma’ din il-liġi l-ġdida.