Art fiż-żona magħrufa bħala Tal-Bebbux, fiż-Żurrieq, se tintuża biss għal proġetti ta’ benefiċċju soċjali u ta’ ħtieġa għaż-Żrieraq biss.
Dan reġa’ kkonfermah il-Ministru għall-Artijiet u I-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, hekk kif, wara diskussjonijiet mal-kunsill lokali, ġie maqbul li, minħabba din l-art hi tal-Gvern, qed ikun eskluż kull tip ta’ żvilupp jekk mhux dak għall-użu soċjali biss.
ONE News tkellem mal-Ministru Zrinzo Azzopardi dwar din il-kwistjoni, dan hekk kif, fl-2006, l-aħħar Gvern Nazzjonalista ta’ GonziPN kien daħħal din l-art fiż-żona ta’ żvilupp fit-tibdil skandaluż li kien sar fil-Pjani Lokali.
“Il-Gvern ħa pożizzjoni anke mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, li l-parti tal-art marbuta mal-Gvern, se tibqa’ art tal-Gvern, mhi se tingħata lil ħadd, però se tibqa’ hemmhekk u t-talba li qed issir min-naħa tal-Awtorità tal-Artijiet rigward dik l-art hi li, f’każ li fil-komunità taż-Żurrieq ikun hemm bżonn li jsir użu minnha għall-benefiċċju tal-komunità Żurriqija, din l-art ikun jista’ jsir żvilupp fuqha.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi
Il-Ministru kompla jgħid li, jekk ikun hemm bżonn li l-komunità taż-Żurrieq tagħmel użu minn din l-art, se jkun hemm konsultazzjoni.
“Mhux qegħdin naraw li ħa tiġi żviluppata b’mod privat, imma tibqa’ riservata biex jekk hemm bżonn għall-komunità Żurriqija, dan ikun jista’ jsir dak l-użu. Mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq hemm ftehim biex meta l-Gvern jiġi biex jiddeċiedi li jagħmel użu minnha jkun hemm konsultazzjoni mal-istess Kunsill Lokali.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi