Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ser tkun qed tvara sistema li permezz tagħha tgħarraf lil kull persuna rreġistrat magħha b’difetti jew leakages fis-sistema tal-ilma li tista’ tirriżulta f’kontijiet għolja u anke ħela ta’ ilma.
Qal dan il-Kap Eżekuttiv tal-korporazzjoni, is-Sur Ivan Falzon hekk kif spjega li din is-sistema ġdida taħdem b’informazzjoni li nġabret tul is-snin mill-korporazzjoni u li tagħraf waħedha anomaliji fl-użu tal-ilma f’kull residenza.
Is-Sur Falzon spjega li meta s-sistema tagħraf li hemm użu żejjed ta’ ilma li jmur barra l-użu normali li ssoltu jsir fir-residenza, il-persuna li tkun irreġistrata mal-korporazzjoni tintbgħatilha messaġġ fuq il-mobile.
Huwa jkun mitlub jaċċessa s-sit tal-Korporazzjoni tas-servizzi tal-ilma sabiex hemmhekk wara li jidħol fil-kont tiegħu permezz tal-E-ID, jara jekk l-użu tal-ilma rreġistrat ikunx jaqbel ma’ dak li jkun verament intuża.
Ivan Falzon qal li “jekk xi ħadd jidħol fuq il-website tagħna, jidħol fil-live map u jillogja bl-E.ID dak se jkun jista’ jara l-konsum tiegħu. Normalment taħt ċirkostanza normali jekk xi ħadd jara użu jew reġistrazzjoni ta’ ilma kontinwu bejn is-siegħa ta’ filgħodu u l-ħamsa ta’ filgħodu hemmek jindika li jista’ jkun hemm leaks.”
Is-Sur Falzon spjega kif din l-inizjattiva pro attiva minn naħa tal-Korporazzjoni tas-servizzi tal-ilma tolqot madwar 5,000 persuna fis-sena u huwa stmat li l-poplu se jżomm f’butu madwar €2 miljun.
“Minn xi 300,000 account tal-ilma hawn mal-5,000 user jew klijent li jista’ jkollu problema fl-infrastruttura tal-ilma wara l-meter ġod-dar tiegħu jiġifieri responabbiltà tiegħu. Bis-sistema l-ġdida, bl-alerts pro attivi minn naħa tagħna fejn aħna se nieħdu inizjattiva biex nipproteġu l-klijenti tagħna qegħdin naħsbu li s-savings kemm ta’ ilma mhux ikkunsmat għalxejn u savings anke reali fi flus se tersaq maż-€2 miljun fis-sena” Qal is-Sur Falzon.
Din is-sistema ser tiġi varata nhar it-Tnejn li ġej u ma hemmx għalfejn li dawk reġistrati mal-korporazzjoni jerġgħu jirreġistraw biex jibbenefikaw minn din is-sistema.