“Il-ħsieb Soċjalista huwa l-ħsieb li ma jwarrab lil ħadd iżda li jkun hemmhekk għal kulħadd.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela f’attività politika oħra ta’ nhar ta’ Ħadd filgħodu fl-iskola Primarja tal-Kulleġġ Maria Reġina, il-Qawra.
Quddiem folla sabiħa ta’ nies, il-Prim Ministru rrefera għal uħud mill-esperjenzi li ltaqa’ magħhom fiż-żjarat man-nies li jkollu madwar il-pajjiż, fejn b’mod partikolari tkellem dwar l-esperjenzi li jaqsmu miegħu persuni vulnerabbli fis-soċjetà.
Abela tkellem dwar realtajiet differenti bħall-abbuż tad-droga u l-prostituzzjoni, li l-qalb soċjalista biss tista’ tindirizzahom. Dan għaliex l-Partit Laburista jibqa’ viċin in-nies u l-isfidi li jista’ jkun ikunu għaddejjin minnhom.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għas-saħħa mentali li qed tkun indirizzata minn tant professjonisti fosthom psikjatri u infermiera li rringrazzjahom ta’ xogħolhom u nkoraġġiehom jibqgħu għaddejjin bil-ħidma tagħhom.
Lil hinn minn dan, Dr Abela tkellem dwar il-mod li bih persuni li jkunu għaddejjin minn sfidi ta’ saħħa mentali jibqgħu integrati fil-komunità.
Qal, “Xtaqt nagħti eżempju wieħed, dak ta’ servizz ġdid li ntrduċejna ta’ infermiera u psikjatri fil-komunità. Bis-saħħa ta’ dan is-servizz fil-komunità li qegħdin nagħtu ġewwa l-komunitajiet, disgħa minn kull għaxar pazjenti li jmorru għal dak is-servizz ma jħossux il-ħtieġa u ma jkunx hemm il-ħtieġa li jidħlu ġewwa l-isptar.”
Dwar il-każijiet li jirrikjedu li persuna tmur għall-kura tal-professjonisti fi sptar, il-Prim Ministru saħaq dwar t-tisħiħ fl-infrastruttura għal dawn il-każijiet, fosthom billi tkompli tiġi rfinata l-istrateġija nazzjonali tas-saħħa mentali.
Stqarr, “Kemm irridu nagħdru aktar, kemm is-soċjetà tagħna trid tkun waħda li tagħti t-tieni ċans, jekk hemm bżonn it-tielet ċans u jekk hemm bżonn tagħti wkoll ir-raba’ ċans. Nemmen f’soċjetà li hija waħda ħanina.
B’rabta mal-istess messaġġ soċjalistà, Dr Abela tkellem ukoll dwar il-qasam tal-ġustizzja, b’mod partikolari fejn tidħol il-Qorti tal-Familja, li nnota kif din trid tgħaddi minn riforma importanti bil-għan li ttaffi l-isfidi fejn jidħol diżgwit familjari.
Hawn enfasizza l-importanza li pajjiżna jkollu għodod adegwati, biex jiġu ndirizzati l-isfidi fil-qasam ġudizzjarji fosthom billi jitnaqqas id-dewmien ta’ dawn il-kawżi, it-tisħiħ tal-proċess tal-medjazzjoni, il-ħolqien ta’ strutturi formali dwar il-mantiment u diskussjoni dwar l-aljenazzjoni ta’ ġenitur, fost aspetti oħra.
Dr Abela nnota kif l-aħħar riforma li saret f’dan ir-rigward kienet fl-2003 u ħeġġeġ biex il-pubbliku jkun attiv fit-tfassil ta’ din ir-riforma għal ġid tas-soċjetà kollha.
Qal, “Irridu niftħu proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali, irrid, iva, nisma’ mingħandkom fejn nisimgħu, noħorġu l-proposti u imbagħad niddeċiedu skont dak li nkunu smajna, skont dak li nkunu djalogajna dwaru u skont dak illi għandu mis-sewwa.”
Il-Prim Ministru temm id-diskors tiegħu bi stedina lill-pubbliku jekk iridx li l-Gvern Laburista jkompli jimplimenta l-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
Sostna, “Jekk terġgħu tkunu magħna bħal ma kontu fl-aħħar snin. Iva nibqgħu l-pajjiż tal-opportunitajiet, iva nibqgħu l-pajjiż tas-suċċessi, iva nibqgħu l-pajjiż tal-aħna aqwa mill-jiena. Iva, għax huwa biss li flimkien kollha kemm aħna li nistgħu nsaħħu Malta tagħna. Grazzi minn qalbi.”