Se terġa’ tinfetaħ l-iskema għal ħwienet li huma proprjetà tal-Gvern u li bħalissa qiegħdin mikrija jew mogħtija b’ċens u li jinsabu barra l-Belt Valletta. Din il-miżura se tgħin lin-negozji sabiex il-kirja jew ċens tagħhom jiġġeddu għal ċens ta’ 45 sena.
Se tiġi indirizzata wkoll il-kwistjoni ta’ nies li għandhom darhom mibnija fuq art mogħtija b’ċens agrikolu jew bi qbiela. Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, spjega li wara l-proġett pilota li sar f’Tas-Salvatur fir-Rabat, se jkun qed jingħata ċans lil aktar nies li jgħixu fi bnadi oħra ta’ Malta biex jixtru t-titolu tal-art fejn jgħixu.
Tħabbar ukoll li se titnieda skema biex jissolvew każijiet ta’ individwi jew familji li jkunu xtraw djar jew appartamenti mibnija parzjalment fuq proprjetà, li maż-żmien irriżulta li kienet tal-Gvern.