F’dawn il-ġranet, Malta qed tingħaqad ma’ diversi pajjiżi oħra minn madwar id-dinja fejn jinxtegħel b’mod simboliku bini pubbliku b’dawl oranġjo, kulur li jissimbolizza futur aħjar mingħajr vjolenza.
Dan bħala parti mill-kampanja tan-Nazzjonijiet Magħquda imsejħa ‘sixteen days of activism against gender-based violence’ fejn bini pubbliku jinxtegħel b’dawl oranġjo għal sittax-il jum.
F’pajjiżna inxtegħlu Bieb il-Bombi u l-Berġa ta’ Kastilja filwaqt li f’Għawdex inxtegħlet il-Funtana tat-Tliet Għoljiet fir-Rabat.
Fil-21 ta’ Novembru li għadda, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli ressqet fil-Parlament l-ewwel qari tal-abbozz ta’ liġi dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika. Dan l-abbozz se jkun qed jemenda numru ta’ liġijiet kif ukoll se jsaħħaħ il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika filwaqt li se jwessa’ l-mandat tagħha biex tkun responsabbli wkoll mill-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Dan kollu qed iseħħ fl-isfond tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li l-Gvern Malti rratifika fl-2014 u li issa mistennija tkun implimentata b’mod sħiħ.
Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika tat sehem ewlieni fil-kampanja permezz ta’ konferenza li ttellgħet fit-23 ta’ Novembru bis-sehem ta’ bosta esperti fil-qasam tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru kif ukoll permezz ta’ intervisti fuq mezzi tal-media.