Din hija Maria Galea.
Nanna ta’ erbat itfal u bużnanna ta’ tmienja.
Din il-ġimgħa se tagħlaq 100 sena.
Maria li tul ħajjitha kienet ħajjata prima għadha taħdem sal-ġurnata ta’ llum hekk kif tagħmel xi alterazzjonijiet żgħar.
B’mod regolari, tmur tisma’ l-quddies, taqra u tħobb tieħu ħsieb il-pjanti.
Minkejja l-età tagħha, Maria hija persuna totalment indipendenti u li għadha tgħix f’darha filwaqt li tagħmel l-użu minn uħud mis-servizzi li jipprovdi l-Gvern lill-anzjani fosthom dak taċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva u l-Għajnuna fid-Dar.
Servizzi li joffru sapport lill-benefiċċjarji sabiex ikomplu jgħixu ħajja kemm jista’ jkun indipendenti fil-komunità tagħhom.
Waqt żjara fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta’ San Pawl il-Baħar il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia kellu ċ-ċans jiltaqa’ ma’ Maria, u rrakkuntat uħud mill-esperjenzi li għadhom ittimbrati f’moħħha u li għexet tul ħajjitha.
Filwaqt li awgurala għal dan it-tragward tant importanti f’ħajjitha, il-Ministru Farrugia sostna l-importanza ta’ dawn is-servizzi governattivi.
Servizzi li jassiguraw l-indipendenza tal-anzjani Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Michael Farrugia qal, “Flimkien tlajna fiċ-Ċentru fejn iltqajna ma’ diversi ħaddiema li jaħdmu hawnekk. Minħabba l-pandemija ovvjament ma kienx hawn anzjani. Flimkien rajna diversi xogħlijiet li jagħmlu l-anzjani stess bħala parti mill-anzjanità attiva.”