Min-nhar il-Ħadd, l-1 ta’ Jannar 2017, tidħol fis-seħħ il-liġi li se twassal għall-projbizzjoni ta’ tipjip f’karozzi privati li fihom ikun hemm ukoll tfal taħt is-16-il sena.
Minn wara l-1 ta’ Jannar jinqabad ipejjep f’karozza privata li fiha jkun hemm il-minuri, li għal dan il-Att huma tfal taħt is-16-il sena, se jeħel multa ta’ €50. Mhux biss is-sewwieq jista’ jeħel din il-multa iżda anke passiġġier li jpejjep f’karozza li fiha jkun hemm it-tfal.
Permezz ta’ din il-liġi pajjiżna se jkun is-sitt pajjiż fl-Unjoni Ewropea li jdaħħal dawn ir-regolamenti.
Il-Ministeru għas-saħħa spjega li diversi mard u kundizzjonijiet fit-tfal għandhom inċidenza akbar fit-tfal li jgħixu f’ambjent fejn hemm is-sigaretti.
Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm l-ażma, l-infezzjonijiet fil-widnejn, kif ukoll każi ta’ cot death u kanċer fit-tfal. Trabi li jgħixu f’ambjent fejn hemm is-sigaretti għandhom riskju akbar li taqbadhom l-infant death syndrome (SIDS), li twassal għall-mewt. Il-livelli tossiċi f’karozza li fiha jsir tipjip jitilgħu għal livelli ogħlja fi ftit ħin.
Tajjeb li tkun infurmat, li din il-liġi tiprojbixxi ukoll tipjip bl-e-cigarettes fil-karozzi meta jkun hemm tfal taħt is-sittax-il sena passiġġieri.
Huwa għalhekk li din il-liġi mħabbra fil-budget bil-għan li tipproteġi sabet appoġġ sħiħ fis-soċjetà Maltija.
Għal aktar informazzjoni tista’ ċċempel fuq 21322306 jew 21337333.