Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, f’waħda mill-kawżi tal-isptarijiet, ġie ddikjarat li l-Prosekuzzjoni biħsiebha tirtira r-rikors li għamlet f’Diċembru li għadda biex l-espert ewlieni, l-Irlandiż Jeremy Harbinson, jixhed b’video conferencing. Minflok se tkun qed issir talba biex jixhed permezz ta’ affidavits.
Dan seħħ it-Tnejn filgħodu hekk kif fil-Qorti kompliet bil-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ numru ta’ persuni, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
F’affidavit ippreżentat fl-aħħar jiem, l-Irlandiż Harbinson iddikjara li la jrid jersaq lejn Malta, la jixhed imqar b’video conferencing u lanqas irid ikun involut b’xi mod fil-kawżi li nbdew abbażi tar-rapport tiegħu stess. Anke jekk spiċċa tħallas iżjed minn €11-il miljun.
Il-Qorti Maltija ddikjarat li Harbinson qal ħafna affarijiet żbaljati fl-istess affidavit u li jrid joqgħod għal-liġi Maltija, jiġifieri jrid ikun disponibbli kull meta jissejjaħ biex iwieġeb għall-mistoqsijiet tad-difiża fil-kontro-eżami, kif stabbilit ukoll fil-liġijiet Ewropej u internazzjonali.
F’kawża parallela, il-Maġistrat Edwina Grima kienet ukoll qablet mad-Difiża li m’għandhomx jinstemgħu aktar xhieda qabel jagħti x-xhieda tiegħu Harbinson.
Fil-kawża tat-Tnejn, wara li semgħet il-ħsieb tal-Prosekuzzjoni, id-Difiża talbet li qabel tintalab l-awtorizzazzjoni biex tiskatta tali proċedura, li fi kliemhom hi waħda eċċezzjonali kemm fis-sens ġudizzjarju, imma wkoll għall-akkużati li għandhom ordni ta’ ffriżar fuq rashom ta’ tletin miljun ewro.
Il-Qorti għamlitha ċara li, f’dan l-istadju, ma tista’ tieħu l-ebda deċiżjoni.
Issa s-seduta, li suppost kellha ssir fit-3 ta’ Marzu li ġej biex jinstemgħu aktar xhieda, ġiet posposta għal April minħabba li t-talba tal-Prosekuzzjoni mhux se tkun laħqet tlestiet.