Il-Gvern se jwettaq riforma dwar il-kumpilazzjonijiet kif ukoll riforma fil-qasam tal-Inkjesti Maġisterjali.
Dan ħabbru fil-Parlament il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, waqt l-estimi finanzjarji tal-Ministeru li jmexxi.
Qal, “Qed niffinalizzaw il-proċess ta’ konsultazzjoni interna dwar ir-riforma tal-kumpilazzjonijiet u rinviji tal-proċessi kriminali, u dawn bl-intenzjoni li nnaqqsu sostanzjalment iż-żmien meħud f’dan l-istadju tal-proċess kriminali u nwasslu għal sistema ġudizzjarja aktar effiċjenti.”
Huwa qal li s-sena d-dieħla l-Ministeru għall-Ġustizzja se jkollu budget ta’ ftit inqas minn €50 miljun – żieda ta’ sitta fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. Din l-allokazzjoni għas-sena d-dieħla hija tliet darbiet aktar minn dak li ġie allokat fl-aħħar budget ta’ gvern Nazzjonalista.
Huwa semma li pajjiżna qed isaħħaħ il-ġustizzja b’emendi fil-liġijiet, fosthom permezz tal-liġi tal-femiċidju, il-bail, u r-riforma tar-raba’.
Il-Ministru għall-Ġustizzja qal li, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, se toħroġ sejħa pubblika biex jiġi identifikat x’siti disponibbli u adegwati hemm biex jiġi ospitat il-Qorti ta’ Għawdex.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul semma r-riforma li saret fil-Qorti ta’ dawk taħt l-eta.
Qal, “Illi biddilna l-qafas kompletament ta’ kif taħdem il-Qorti tal-minorenni, illum fil-prattika qed naraw li, verament, bil-prattika qed naraw li qed issir ġustizzja. Qabel lanqas dritt ta’ appell ma kien hemm, lanqas l-interessi tal-minuri, u lanqas kienu jiġu ssalvagwardjati kif suppost.”
Id-deputat Glenn Bedingfield qal li għandu jkun hemm diskussjoni dwar jekk il-midja għandhiex ikollha xi tip ta’ preżenza fil-Qorti.
Qal, “U naħseb illi wasal iż-żmien li f’Malta niddiskutu jekk il-midja għandhiex ikollha xi tip ta’ preżenza fil-Qorti, għax tara l-aħbarijiet illum u meta tgħid tara, tgħid ħa tara l-aħbarijiet u rapporti mill-Qorti u ħlief awli vojta u kurituri vojta tal-Qorti ma narawx. U naħseb huwa rappurtaġġ tedjanti ta’ kif wieħed jara l-aħbarijiet.”
Id-deputat Naomi Cachia irrimarkat li se jkun hemm tisħiħ fil-ġudikatura permezz ta’ żewġ imħalfin u żewġ maġistrati ġodda.
Qalet, “Bi pjaċir ninnota illi ftit tal-ġimgħat ilu tħabbar li l-ġudikatura se tkompli tissaħħaħ b’żewġ imħallfin u żewġ maġistrati ġodda u din se ssir ukoll fil-kuntest ta’ riforma fil-ħatra tal-ġudikatura li qed jimplimenta l-Gvern.
L-għan taż-żieda fil-ġudikatura hu li tiżdied l-effiċjenza fil-Qorti.