Se ssir revizjoni fil-masterplan dwar Pjazza San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex, bil-għan li jinstab bilanċ adegwat bejn l-interessi tal-pubbliku u dawk li joperaw f’din il-pjazza.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Artijiet Stefan Zrinzo Azzopardi, waqt id-dibattitu fil-Parlament dwar l-Estimi Finanzjarji tal-Awtorità.
Qal, “Irrid inħabbar Sur President, li l-Awtorità tal-Artijiet wara konsultazzjoni ma’ Ministeri oħra involuti inkluż l-Ministeru ta’ Għawdex telqet proċess importanti li jkun hemm rinnovar tal-masterplan ta’ din il-pjazza. Biex b’hekk, anki bis-saħħa tas-sottomissjonijiet tal-istakeholders kollha involuti jkollna masterplan ħalli s-sitwazzjoni f’din il-pjazza tiġi indirizzata bl-aħjar mod possibbli u n-nuqqasijiet jiġu indirizzati.”
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi sostna li se ssir diskussjoni wiesgħa mal-entitajiet kollha involuti mill-Awtorità Maltija tat-Turizmu biex tkun indirizzata l-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet f’din il-pjazza billi kulħadd jifhem il-limitazzjonijiet li jeżistu u x’hemm bżonn isir biex jinstab il-bilanċ adegwat.
L-istess Awtorità tat-Turiżmu qed tikkordina proċess flimkien mal-Awtorità tal-Artijiet, l-Awtorità tal-Ippjanar, u l-Pulizija biex ikunu riżolti sitwazzjonijiet simili mal-pajjiż kollu.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar l-impenn tal-Gvern biex ikun aktar sensittiv dwar kif isir l-aqwa użu minn art żviluppabbli.
Huwa semma bħala eżempji l-artijiet li setgħu ġew żviluppati u minflok għaddew għand Project Green biex isiru proġetti ta’ spazji miftuħa. Semma wkoll l-eżempju tal-art żviluppabbli f’Tal-Bebbux fiż-Żurrieq, fejn il-Gvern iddikjara li l-art li hija tiegħu mhux se tingħata għall-iżvilupp ħlief jekk mhux xi proġett għall-komunità li jkun maqbul mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.
Fil-Parlament, il-Ministru semma wkoll il-kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet, mal-Kunsilli Lokali u diversi għaqdiet mhux governattivi biex artijiet jew proprjetajiet tal-Gvern qed jgħaddu għandu dawn l-organizazzjonijiet biex jagħmlu l-aqwa użu minnhom.