Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jissottomessi l-applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex isir il-proġett ta’ rural airfield għal ajruplani żgħar fix-Xewkija.
Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, hekk kif intemm il-proċess ta’ konsultazzjoni u saru numru ta’ studji dwar dan il-proġett.
Huwa qal li, fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern Laburista, permezz tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, il-Ministeru għal Għawdex nieda dan il-proċess sabiex isir il-proġett. L-għan huwa li s-sit dilapitat tal-ħeliport ta’ Għawdex jinbidel f’mitjar rurali.
Ħareġ kif ġew sottomessi aktar minn sebgħin proposta, suġġerimenti, u rakkomandazzjonijiet li ġew analizzati b’reqqa mill-Awtorità u li ġew inklużi fid-dokument finali.
Qal, “Inħarsu ’l quddiem, anki t-target huwa li f’Awwissu proprju tkun qed tiġi sottomessa l-istess applikazzjoni għal aktar skruntinju, anki mill-Awtorità tal-Ippjanar u minn dawk kollha li, fl-aħħar mill-aħħar, ikunu notified waqt dan l-istess proċess sabiex, aktar tard, inkunu nistgħu nagħtu inizju għal triq oħra – din id-darba dik fl-ajru bejn Malta u Għawdex.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, Mario Borg, innota kif uħud mir-rakkomandazzjonijiet jikkonsistu f’li l-aspett rurali tal-proġett jibqa’ ċentrali u anki li l-Gvern jkollu sehem attiv f’immaniġġjar fl-operat tal-airfield meta din titlesta.
Qal, “Il-GRDA ukoll, fl-aħħar ta’ dan il-proċess, qed tagħti l-opinjoni tagħha fuq dan il-proġett partikolari u qegħdin nipproponu li l-Ministeru jibqa’ għaddej b’dan il-proġett li għalina għandu ħafna iżjed pożittivi minn xi affarijiet li jistgħu jintlaqtu u jkunu kemmxejn negattivi u qegħdin nipproponu wkoll miżuri ta’ migitazzjoni għal xi miżuri u l-impatt li jkunu kemxejn negattivi fuq is-soċjetà Għawdxija.”