Wara sentejn ta’ pandemija, tirritorna Cinema City.
Bejn l-erbgħa u għoxrin u t-tmienja u għoxrin ta’ Mejju se ssir it-tieni edizzjoni tal-attività li toffri lill-pubbliku l-opportunità li jattendi ċ-ċinema fil-miftuħ mingħajr ħlas.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Kultura, Owen Bonnici, u ċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef. Il-konferenza saret fil-Ġnien Laparelli, fid-daħla tal-Belt, fejn proprju se ssir ukoll Cinema City.
Matul dawn il-ħames serati, li se jibdew fid-disgħa ta’ filgħaxija, se tintwera għażla mżewqa ta’ films, fosthom Simshar, The Matrix, u La Vita è Bella.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qal li għaddejja ħidma sabiex tkompli r-riġenerazzjoni ekonomika, soċjali, u kulturali tal-Belt Valletta, anki wara sentejn ta’ pandemija.
Qal, “Hija attività sabiħa immens li tiġbor ħafna elementi li għalina huma għal qalbna ħafna. Riġenerazzjoni ekonomika, soċjali – tiġbed ħafna familji bit-tfal – u, naturalment, l-aspett kulturali. Għandek l-aspett kulturali tal-kurazzjoni tal-films – u hawnhekk se nuru film ta’ suċċess enormi Malti, Simshar – imma wkoll l-aspett kulturali ta’ dan l-ispazju meraviljuż. Aħna nemmnu ħafna illi spazji bħal dawn, forsi li mhux notevoli illi tagħmel attivitajiet fihom, inqarrbu lill-pubbliku Malti.”
Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jżid l-attivitajiet fil-Belt Valletta u anki li jkompli jagħti sostenn lill-industrija.
Qal, “L-iktar ħaġa sabiħa dwar dan il-festival huwa li hemm dimensjoni Maltija f’dawn il-films li se jintwerew, tant li se jkun hemm film Malti illi se jintwera lill-udjenza, li qed nistednuha tiġi hawnhekk u tgawdi dan l-ispazju miftuħ tant sabiħ. Aħna nemmnu li dawn it-tip ta’ avvenimenti mhux biss jivvalorizzaw il-Belt Valletta, imma wkoll iwieġbu għas-sejħa tan-nies, li jridu avvenimenti kulturali ta’ kwalità.”
Wieħed jista’ jmur f’dan iċ-ċinema fil-miftuħ bla ħlas, iżda minħabba li l-ispazju huwa limitat, wieħed irid jibbukkja mill-uffiċċju tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.