Għat-12-il sena konsekuttiva, il-Kunsill Lokali tal-Iklin se jtella’ edizzjoni oħra ta’ Festa Fjuri f’din il-lokalità. Kif iġib l-isem, il-lokalità tal-Iklin hija sinomina mal-fjuri u l-pjanti, u għalhekk il-Kunsill Lokali għal dawn l-aħħar snin dejjem ħaseb li jtella’ din l-attività.
Din l-attività se ssir għada, is-Sibt, 17 ta’ Mejju, bejn id-9am u s-2pm fi Triq Ġużè Ellul Mercer u Pjazza Ninu Cremona, fejn fost oħrajn se ssir infjorata magħmula minn pjanti u qsari kkuluriti.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, u preżenti kien hemm id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, Emile Vassallo, is-Sindku tal-Iklin, Dorian Sciberras, u membri oħra tal-kunsill lokali u l-Kap tal-Iskola ta’ Ħal Lija.
Ġie spjegat, li matul din il-ġurnata se jittellgħu għadd kbir ta’ attivitajiet bil-parteċipazzjoni ta’ diversi Għaqdiet fl-Iklin, Għaqdiet mhux Governattivi, Entitajiet Governattivi, kif ukoll l-iskola primarja ta’ Ħal Lija. Jispikkaw f’din l-attività hemm xarba magħmula mill-klin u kif ukoll ikel magħmul mill-fjuri.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif il-finanzjament ta’ din l-attività ġie sostnut mill-iskema tal-attivitajiet kulturali annwali maħruġa mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali. Hija rrimarkat kif il-Gvern qed ikun ta’ appoġġ għal dawn l-attivitajiet li jagħtu identità lil-lokalità rispettiva.
“B’sodisfazzjon nara li diversi Kunsilli Lokali, qed jersqu ’l quddiem u jkunu innovattivi fl-attivitajiet tagħhom. F’dan il-każ, il-Kunsill Lokali tal-Iklin, għal dawn is-snin kollha ra kif jislet attività annwali mill-isem tal-lokalità li abbinaha mal-identità tal-istess lokalità.”
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli
Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku tal-Iklin, Dorian Sciberras, li irringrazzja lis-Segretarjat Parlamentari u d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, għas-sostenn u l-appoġġ finanzjarju ta’ din l-attività.
