Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija tal-Covid-19, se jirritorna l-avveniment popolari BirguFest, li jorganizzah il-Kunsill Lokali tal-Birgu.
Din se jsir bejn il-Ġimgħa 7 u l-Ħadd 9 ta’ Ottubru u se jkollu programm li jinkludi diversi attivitajiet kulturali u artistiċi bis-sehem ta’ gruppi lokali kif ukoll barranin.
L-għan ewlieni tal-attività u l-promozzjoni tagħha huwa li jattira lill-Maltin, lil dawk li joqogħdu hawn Malta, kif ukoll lit-turisti sabiex igawdu l-kultura u l-istorja li toffri din il-belt storika u marittima.
Il-‘Birgu by Candlelight’ se ssir nhar is-Sibt, 8 ta’ Ottubru. Għal din l-attività d-dwal tat-toroq tal-Birgu se jintfew kollha u, minflok, it-toroq jinxtegħlu b’eluf ta’ xemgħat li se joħolqu atmosferu mill-isbaħ.
Għal din l-edizzjoni, il-Kunsill Lokali kkollabora ma’ kumpanija privata li forniet lill-Kunsill Lokali b’numru sostanzjali ta’ vażetti tal-ħġieġ sabiex jitnaqqas l-użu ta’ fliexken tal-plastik li fihom titpoġġa x-xemgħa.
Is-Sindku tal-Birgu, John Boxall, qal li din is-sena se jintużaw ’il fuq minn 20,000 xemgħa, grazzi għall-impenn u d-dedikazzjoni tar-residenti tal-Birgu.
Huwa spjega li l-festival se jkun mifrux fuq il-lokalità kollha u li f’kull rokna se jkun hemm attivitajiet li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.
Qal, “Qed nipprovaw nagħmlu minn kollox biex tkompli tkun ta’ attrazzjoni speċjali; atrazzjoni mhux tal-Maltin biss imma anke ta t-turisti li jiġu jaraw il-gżejjer Maltin.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li permezz tal-iskema għall-Attivitajiet Kulturali Annwali ta’ din is-sena, il-Kunsill Lokali tal-Birgu ġie ffinanzjat b’madwar €30,000 għal dan il-festival, li jiċċelebra l-kultura u t-tradizzjonijiet tal-lokal.
Qalet, “Il-Gvern se jkompli jkun ta’ sostenn għall-Kunsilli Lokali biex jorganizzaw attivitajiet kulturali annwali hekk kif, fil-weekend li ġej, se nkunu qed niċċelebraw festa ta’ talenti, kultura, u attivitajiet diversi fit-toroq tal-Birgu permezz tal-Birgu Fest 2022. ”
Huwa stmat li għall-attività tal-Birgufest ta’ din is-sena se jattendu aktar minn 60,000 ruħ.