Ir-raba’ edizzjoni ta’ ‘The Mqabba 5K’ b’risq l-ALS Malta u Dar Bjorn, organizzata mis-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba, se ssir nhar it-Tnejn, l-1 ta’ Mejju.
L-attività se tkun tikkonsisti minn ġirja u mixja fuq distanza ta’ ħames kilometri għall-kbar u ġirja għat-tfal fuq distanza ta’ żewġ kilometri u nofs. Għat-tieni sena konsekuttiva l-attività se tinkludi wkoll tiġrija għal persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti. L-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment qed tkun megħjuna finanzjarjament mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur.
F’kelmtejn li għamlet waqt it-tnedija ta’ dan l-avveniment, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, qalet li l-inizjattiva li qed tieħu s-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju tinkwadra perfettament f’dak li tgħid l-Istrateġija Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità fejn jirrigwarda l-aċċess għall-isport. Hija turija wkoll ta’ kif għaqdiet bħal din jistgħu jaġġustaw ħidmiethom b’mod li jkunu aktar inklussivi.
Il-kordinatur tal-attività, Glenn Muscat, iddeskriva l-parteċipazzjoni ta’ persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti bħala xhieda tal-fatt li xejn m’għandu jillimita l-parteċipazzjoni tal-individwu, irrispettivament mill-abbiltà tal-persuna.
F’isem l-ALS Malta u Dar Bjorn, Maria Formosa rringrazzjat lis-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju u lill-Ministeru għall-impenn tagħhom favur soċjetà aktar inklussiva. Żiedet tgħid li, permezz tal-fondi li se jinġabru, se jkunu qed jittejbu s-servizzi li toffri Dar Bjorn lil persuni bl-ALS, bl-MS, u b’kundizzjonijiet newroloġiċi oħrajn permezz ta’ kura 24 siegħa kuljum u trattamenti speċjali.
Preżenti għat-tnedija kien hemm ukoll is-Sindku tal-Imqabba, Grace Marie Zerafa.
Ir-reġistrazzjoni għal din l-attività tista’ ssir fuq https://www.talgilju.com/the-mqabba-5k-run/the-mqabba-5k-registration-from/
Ritratt ewlieni: Keith Galea