Nhar il-Ħadd li ġej, 14 ta’ Jannar, se ssir Festa Ċitru fil-Kitchen Garden tal-Palazz tal-President f’Ħ’Attard mill-10:00 ta’ filgħodu ’l quddiem fejn il-pubbliku se jkun jista’ jixtri larinġ u lumi maqtugħ mill-ġonna tal-istess Palazz u prodotti magħmulin minnhom.
Dan il-masġar fih mas-sitt mitt siġra taċ-ċitru, fil-maġġoranza tagħhom larinġ.
It-Tlieta filgħodu, waqt attività tal-qtugħ tal-larinġ mal-istudenti tal-Iskola Primarja ta’ Ħ’Attard u tal-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex fil-masġar taċ-ċitru tal-Palazz ta’ San Anton, il-President George Vella u s-Sinjura tiegħu niedew uffiċjalment il-ħmistax-il edizzjoni tal-attività, li għandha l-għan biex jinġabru wkoll flus b’riżq il-Malta Community Chest Fund.
Sadanittant, fost it-tħejjijiet għal din l-okkażjoni, fil-kċina tal-Palazz ta’ San Anton qed jinħmew għadd ta’ kejkijiet u ħelu ieħor magħmul mill-larinġ biex jinbiegħu waqt l-attività, waqt li din is-sena se jkun qed jinbiegħ ukoll żejt taż-żebbuġa magħsur miż-żebbuġ li jinqata’ mis-siġar li hemm fil-Kitchen Garden.
Waqt l-attività mal-istudenti, il-President Vella ħeġġiġhom japprezzaw xogħol il-ġardinara li matul is-sena kollha jieħdu ħsieb is-siġar. Il-President fakkar lill-istudenti li Festa Ċitru hi attività oħra li ssir matul is-sena biex jinġabru fondi għal dawk li jkollhom bżonn ta’ spalla f’ħajjithom.
“L-esperjenza tal-lum kienet waħda mhux li ħa tagħmel kuljum, għax stajna naqtgħu l-larinġ minn dawn is-siġar kollha sbieħ u tieħu ħafna gost, għax tkun qiegħed mal-ħbieb tiegħek… aħna qtajnih għall-Festa Ċitru biex nagħtuh lin-nies u mbagħad ibigħuhom u mbagħad meta jbigħhuhom ikunu jistgħu jagħtuhom lill-Malta Community Chest Fund Foundation.”