Tħabbret it-tmien edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, li kull sena tiġi kkummissjonata mill-Unjoni Ewropea bil-għan li tkompli tkabbar l-għarfien dwar l-importanza tal-attività fiżika.
Dan l-avveniment annwali, li ċertament ikun imniżżel fil-kalendarju ta’ kull min għandu għal qalbu l-isport, se jsir aktar tard dan ix-xahar, bl-iktar dati importanti jkunu s-Sibt 24 u l-Ħadd 25 ta’ Settembru.
SportMalta ilha mill-2014 tagħti l-kontribut tagħha biex tippomwovi ħajja aktar attiva u taħdem biex il-persentaġġ ta’ nies li ma jagħmlux sport jibqa’ dejjem jonqos.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar, qal li fl-24 ta’ Settembru se ssir attività ta’ fitness fil-kumpless sportiv tal-Kottonera, bit-tema ‘Be Active’. F’din l-attività se tiġi ċċelebrata wkoll l-inklussività. Il-Ħadd, fil-grawnds ta’ SportMalta, se jkun hemm festa tal-isport.
Qal, “Fl-24 ta’ Settembru, fil-kumpless tal-Kottonera u fil-madwar, se jkun hemm diversi attivitajiet, fosthom mixjiet mill-komunitajiet diversi, mill-kunsilli lokali. Imbagħad, fiċ-ċentru se jkun attività kbira għal Special Olympics Malta, biex verament inkomplu niċċelebraw dak li ksibna fil-kompetizzjoni internazzjonali, u anke attività kbira ta’ fitness, żfin, attivitajiet differenti, żumba, u ħafna iktar biex inkomplu nċaqalqu n-nies. Il-Ħadd, fil-kumpless tal-Marsa, se jkun hemm attività għall-assoċjazzjonijiet u l-klabbs kollha.”
Din is-sena, b’differenza, diversi ambaxxaturi sportivi se jkunu qed jagħtu s-sehem tagħhom biex jgħinu nies li jipparteċipaw f’din il-ġimgħa. L-iskop tal-ambaxxaturi sportivi huwa li l-pubbliku jieħu sehem f’din l-inizjattiva biex is-soċjetà Maltija ssir aktar attiva.
Il-koordinatriċi nazzjonali tal-ġimgħa Ewropea għall-isport, Rosmarie Mercieca, qalet li l-messaġġ ewlieni li qed jipprova jwassal dan l-avveniment huwa li bl-isport u bl-eżerċizzju fiżiku tista’ tgħix aktar b’saħħtek.
Qalet, “Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport hija inizjattiva sabiex wieħed jagħmel iktar attività fiżika u jinvolvi ruħu fl-isport biex ikollu stil ta’ ħajja aktar sana. Għal din is-sena t-temiet prinċipali huma l-irkupru mill-pandemija, biex l-isport jerġa’ jieħu l-istat li kellu qabel il-pandemija, u wkoll li ninkorporaw l-ambjent f’dan l-istil ta’ ħajja sana.”
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Ministru ħall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fejn enfasizza li l-isport u l-attività fiżika regolari huma parti kruċjali mill-ħajja tagħna ta’ kuljum biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna.