Il-Gvern flimkien mal-Fondazzjoni Jean Antide ssiġillaw ftehim li se jsaħħaħ is-servizzi ta’ counselling fil-komunità. Dan b’investiment ta’ aktar minn €160,000.
Din il-Fondazzjoni toffri servizzi ta’ appoġġ għal indivdwi u familji vulnerabbli li jkunu għaddejjin minn żminijiet diffiċli bi problemi li jvarjaw minn dawk ta’ saħħa mentali sa vjolenza domestika.
Sa mit-twaqqif tagħha l-Fondazzjoni tat is-servizzi lil 5,400 ruħ, u aktar minn 3,400 familja vulnerabbli.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr kif dawn il-fondazzjonijiet jagħmlu ħafna ġid li ma jidhirx u li qed jagħmlu differenza kbira. Fakkar kif fost il-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet, it-tfal jispiċċaw l-ikbar vittmi u għalhekk saħaq li l-Gvern irid isaħħaħ is-servizzi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Nora Macello, laqgħet il-ftehim li jserrħilhom moħħhom għat-tliet snin li ġejjin. Dan il-ftehim se jassigura l-ingaġġ ta’ 2 social workers oħra sabiex ikunu jistgħu jagħtu dan is-sapport.
Is-Sur Lawrence Agius, ħaddiem Soċjali tal-fondazzjoni qal li xogħolhom ivarja ħafna u huma joffru servizzi kemm lill-vittmi u lil qrabathom.