“Ħa nkompli mmexxi Gvern tan-nies u se nwasslu lil pajjiżna f’livelli ġodda.” Dan kien messaġġ prinċipali li għadda l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt attività politika bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’ f’Raħal Ġdid, ġurnata qabel tagħlaq il-kampanja elettorali.
“Jien nemmen fikom. Konvint li, bil-kapaċità tagħkom, se nwasslu lil pajjiżna f’livelli ġodda, imma biex dan iseħħ għandna bżonn nivvotaw flimkien. Fit-8 ta’ Ġunju rridu nibgħatu sinjal ċar. Se tibqgħu parti minn din l-istorja ta’ suċċess? Se terġgħu tkunu warajja?”
Il-Prim Ministru Robert AbelaREKLAMSKROLLJA BIEX TKOMPLI
Dr Abela sostna kif Gvern Laburista qed ikompli jsostni l-ekonomija, b’diversi riżultati pożittivi minn esperti internazzjonali. Dan filwaqt li, f’perjodu ta’ sfidi internazzjonali, pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
Sostna kif il-Partit Laburista għandu pjan ċar, li hu ffokat biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Quddiem folla sabiħa ta’ nies f’Raħal Ġdid, Dr Abela għamel dan l-appell.
“Hu d-dover tagħna li dawn in-nies kollha nikkonvinċuhom li l-vot hu dritt wisq importanti u b’saħħtu biex jinħela. Għinuni. Għinu lill-kandidati tagħna. Waħedna biss mhux se naslu. F’idejkom is-saħħa. Itilqu minn hawn u kkonvinċu lil sħabkom!”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru saħaq kif, minkejja kull provokazzjoni, il-poplu baqa’ sod warajh.
“X’ma sejħulkomx lilkom f’dawn l-aħħar ġimgħat? Però intom, minkejja kull provokazzjoni, bqajtu kalmi, però bqajtu daqstant ieħor sodi. Issa l-mument li nuru aktar minn qatt qabel kemm aħna sodi, sodi, sodi. U dan nuruh bil-vot qawwi tagħna nhar is-Sibt li ġej.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela temm dan id-diskors b’dan il-messaġġ.
“Jekk temmnu f’tim Malta, erġgħu isilfuni l-fiduċja tagħkom, erġgħu agħtuni mandat b’saħħtu! Jien nemmen fikom, erġgħu emmnu fija! Is-saħħa f’idejkom. Is-Saħħa lill-Għawdxin, Is-Saħħa lill-Maltin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela