“Se nneħħu l-miżuri b’mod gradwali u nqisu n-numri għal dawk li huma rati ta’ infezzjonijiet li jkollna.”
Hekk iddikjara l-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista fuq il-programm Xtra, il-Ħamis filgħaxija meta mistoqsi jekk hux qed jiġi kkunsidrat li jitnaqqsu xi miżuri u ristrezzjonijiet relatati mal-imxija tal-Covid-19.
“Wieħed ma jridx jgħaġġel. It-tentazzjoni hija li ngħaġġlu. Kulħadd irid imur lura għan normalità, kulħadd irid imur lura għall-ħajja normali ta’ kuljum imma jkun żball li aħna ngħidu li għax għandna numru ta’ wieħed, tnejn infezzjonijiet ta’ kuljum għal numru ta’ ġranet, mela ejja nneħħu r-ristrezzjonijiet kollha f’daqqa u jiġri dak li għandu jiġri. Dak naħseb ikun approach li ma jkunx prudenti u li jissogra li nħassru dak li għamilna.”
Meta mistoqsi dwar il-ftuħ tal-ajruport Robert Abela spjega kif wieħed ma jridx jikkunsidra biss is-sitwazzjoni lokali iżda anke dik internazzjonali, partikolarment il-pajjiżi li għandhom titjiriet diretti lejn pajjiżna.
Dwar it-tema tal-immigrazzjoni li ddominat l-aħbarijiet fl-aħħar jiem il-Prim Ministru Abela tenna li f’din is-sitwazzjoni l-Ewropa ddiżappuntat ħafna. Dan filwaqt li esprima d-dispjaċir tiegħu li l-Oppożizzjoni pruvat ixxekkel f’mumenti sensittivi għall-pajjiż.
“Dispjaċut ħafna għax jien naf x’għamlet l-Armata tagħna. X’għamel kull wieħed u waħda minnha biex insalvaw il-ħajjiet. Din m’hijiex kwistjoni ta’ inkjesta li ntalbet fuq xi suġġet ħafif. Hawnekk qed nitkellmu fejn 11-il suldati tal-Forzi Armata tagħna, il-Brigadier u jien qed niġu akkużati bi qtil volontarju jiġifieri dan omiċidju volontarju.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-Governanza t-tajba f’pajjiżna u kif dan is-suġġett kien wieħed mill-iktar impenji kruċjali ta’ dan il-Gvern partikolarment fl-ewwel mitt jum tiegħu ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja.
Spjega kif il-qbil storiku dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti, u dwar il-metodu kif jinħatar il-Prim Imħallef ta’ wara, jixhdu dan l-impenn.
Semma wkoll l-approvazzjoni tal-metodu trasparenti tal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija
“Hemm l-implimentazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni Venezja li qegħdin naħdmu ħafna dwaru jiġifieri għalkemm ikkonċentrati fuq it-trażżin tal-imxija tal-Covid, il-ħidma fis-setturi l-oħra ma waqfitx fosthom fil-qasam tal-implimentazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni Venezja u qegħdin fi djalogu kontinwu magħhom biex nimplimentaw dak ir-rapport.”
Waqt il-programm issemma wkoll l-ambjent f’pajjiżna u d-deċiżjonijiet li ttieħdu favur dan il-qasam mill-Prim Ministru Abela fl-ewwel jiem tiegħu fit-tmun tal-pajjiż.
Il-Prim Ministru semma l-importanza tal-bilanċ u b’hekk id-deċiżjoni tiegħu fil-ħatra tal-Kabinett li l-ambjent u l-ippjanar jitpoġġew taħt dekasteru wieħed sabiex jinstab dan il-bilanċ.
Semma wkoll l-akbar investiment fil-qasam tal-immaniġjar f’pajjiżna u kif dan sar wara diskussjoni mal-bdiewa fil-Magħtab.
“Minn skart se jiġi utiliżżat bħala riżorsa għall-enerġija. Se nkunu ħloqna pjan bla preċedent fejn mhux se niġu f’sitwazzjoni numru ta’ snin oħra fejn se ngħidu “Ejja nieħdu aktar art biex inkunu nistgħu nitfgħu l-iskart ġewwa fiha.”
Mistoqsi dwar ir-reazzjoni tiegħu għall-ewwel mitt jum, il-Prim Ministru Abela temm jgħid li għalkemm ma prevediex il-portata tal-isfidi li kellu jaffaċċja fehem mal-ewwel ir-responsabbiltà li daħal għaliha.
Sostna li biex tmexxi lill-pajjiż trid tkun tħobbu u ser ikun qed jibqa’ jerfa’ dan il-piż tar-responsabbiltá għaliex għandu ħeġġa kbira sabiex ikompli jaħdem favur il-poplu Malti u Għawdxi kollu.