Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, tkellem f’Santa Luċija dwar kif il-moviment li nbena madwar il-Partit Laburista jrid ikun ukoll il-moviment tal-ordni pubblika. Dan filwaqt li jibqa’ l-moviment li joħloq ix-xogħol, jikseb it-tkabbir ekonomiku, il-ġustizzja soċjali u li jippromwovi l-libertajiet ċivili.
“Kemm jien kburi b’dan il-pajjiż. Kemm jien kburi b’pajjiżna. Kemm jien kburi b’niesna, il-Maltin u l-Għawdxin, li ta’ kuljum jaħdmu jwettqu u jġibu r-riżultati,” qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru qal li l-Maltin jagħtu tweġiba lil dawk li jaħsbu jistgħu jaqsmu l-Malta bejn it-tajbin u l-ħżiena.
“Dawn il-persuni u l-istituzzjonijiet jagħtu tweġiba li juru t-tip ta’ pajjiż li kbirna fih u kemm se nkomplu niżviluppaw,” qal Joseph Muscat li għamel referenza lejn dak li ġara nhar it-Tnejn li għadda.
Qal li f’mumenti bħal dawn min għandu rwol istituzzjonali għandu joqgħod pass lura. Spjega li għalkemm hemm ħafna x’jingħad u anke xi jkun ikkoreġut, hu jagħżel li jkun kawt.
“Nixtieq f’ismi u f’isem il-Maltin u Għawdxin kollha ta’ rieda tajba nirringrazzja bil-kbir il-forzi tal-ordni tagħna,” qal Joseph Muscat li fisser kif wara li kienu taħt kritika qawwija u inġusta taw risposta b’saħħitha.
Fakkar kif sa ftit ġimgħat ilu kulħadd kien jgħid li diffiċli każ bħal dan jiġi solvut għax qatt ma ġie solvut b’xejn ta’ dan il-kalibru.
“Jien kburi li b’għajnuna internazzjonali, imma bis-saħħa tal-istituzzjonijiet Maltin, forsi għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna waslu għal dan ir-riżultat f’każ tant kbir,” qal il-Prim Ministru.
L-Ordni Pubblika
Semma wkoll iż-żieda fil-baġit tal-forzi tal-ordni. Filwaqt li fl-aħħar ħames snin kien hemm żieda ta’ 22%, fil-ħames snin ta’ qabel kien hemm żieda ta’ 10% fil-mija.
Kien hawn li tkellem dwar il-passi li qed ikompli jieħu l-gvern.
“Urejna li s-sitwazzjoni f’ċerti inħawi tal-pajjiż mhix aċċettabbli,” qal Joseph Muscat.
Spjega kif in-nies jistennew li kulħadd jimxi mar-regoli, li fit-toroq tagħna, fil-postijiet ta’ divertiment u fil-postijiet pubbliċi nirrispettaw ‘il xulxin. U fisser kif passi li se jittieħdu fil-Marsa se jsiru f’postijiet oħra.
“Meta tiddeverti u meta tiehu pjaċir trid tirrispetta lin-nies ta’ madwarek. Dan hu sinjal għal kulħadd f’kull lokalità biex inrawmu din l-idea ta’ rispett,” qal Joseph Muscat.
Kien hawn li spjega li l-viżjoni tiegħu li l-moviment madwar il-Partit Laburista jsir ukoll il-moviment tal-ordni pubblika.
“Din l-idea li tista’ tagħmel li trid irridu nneħħuha. Filwaqt li nibqgħu għaddejjin bit-tkabbir tal-ekonomija, ix-xogħol u nqasmu iktar ġid, trid tidħol l-idea li f’dan il-pajjiż hemm regoli u kulħadd irid jimxi magħhom,” qal Muscat
Suċċess ekonomiku
Filwaqt li tkellem fuq is-suċċessi tal-gvern f’ġimgħa fejn kien irreġistrat tkabbir ekonomiku ta’ 7.2% il-Prim Ministru fisser kif il-ġid li qed jinħoloq qed jitqassam.
“Il-ġid joħloq il-ġid. Meta naqqasna l-kontijiet, in-nies il-flus nefquhom f’affarijiet oħra,” qal Joseph Muscat li fakkar ukoll kif illum kull pensjonant ħa żieda fil-pensjoni.
“Kull sena se nkomplu nżidu l-pensjonijiet,” qal Joseph Muscat li tkellem dwar investimenti f’oqsma oħra.
Tkellem dwar l-aħbar li l-kumpanija Crane inxtrat minn kumpanija ikbar. Fisser kif tkellem mat-tmexxija tal-kumpanija li spjegawlu kif waħda mill-affarijiet li ġibdu l-attenzjoni biex din il-kumpanija tixtri l-Crance Currency u minn kumpanija kbira ssir kumpanija ikbar hi l-proġett li qed jgħamlu Malta. U dan il-proġett huwa sinsla għat-tkabbir għaż-żmien li ġej,”qal Muscat.
Bidla li tkompli
Fl-istess ħin il-bidla mhix se tieqaf. “Se nkunu t-tieni pajjiż fl-EU li naqqsu l-età tal-vot għal sittax –il sena,” qal Joseph Muscat li fisser kif storikament kien il-Partit Laburista li dejjem żied id-dritt tal-vot.
Qal li l-pass li jmiss se jittieħed “mingħajr biża’ b’fiduċja sħiħa fiż-żgħażagħ tagħna.”